Il-Qassis tal-Emigranti u Sammaritan tar-Refuġjati

Bijografija ta’ Monsinjur Philip Calleja

Bijografija ta’ Monsinjur Philip Calleja

Read in English.

“Mons Philip Calleja – Għex għall-bniedem maqlugħ minn għeruqu” huwa l-isem ta’ ktieb ta’ 500 paġna li l-Kummissjoni Emigranti u Midsea Books se jniedu għada, l-Erbgħa, 4 ta’ Diċembru, 2019, dwar is-sebgħin sena ta’ ħidma li Mons Calleja ddedika għall-emigranti Maltin u l-familji tagħhom, għall-barranin li jfittxu l-ażil f’Malta, u għall-Knisja f’Malta.

Il-bijografija nkitbet minn Charles Buttigieg li għal bosta snin ħadem mill-qrib ma’ Mons Calleja u huwa wkoll l-awtur ta’ żewġ kotba dwar Mons Arċisqof Ġużeppi Mercieca u ieħor dwar Mons Arċisqof Mikiel Gonzi, kollha pubblikazzjonijiet ta’ Midsea Books. L-awtur iħares lejn Mons Calleja bħala l-qassis tal-emigrant Malti u Sammaritan tar-refuġjat f’Malta.

Fih innifsu l-ktieb joffri wkoll l-istorja tal-Kummissjoni Emigranti, li twieldet fl-1 ta’ Marzu, 1950, f’Palazzo Carafa, il-Belt, b’inizjattiva tal-Azzjoni Kattolika Maltija. Jagħti wkoll il-ġrajja ta’ Dar l-Emigrant, fil-Belt, proġett maħsub u mwettaq quddiem nett bl-inizjattiva u l-impenn ta’ Mons Calleja. F’diskors li għamel dakinhar li tqegħdet l-Ewwel Ġebla ta’ Dar l-Emigrant, fl-10 ta’ Frar, 1971, Mons Calleja wera li f’moħħu kellu monument dejjiemi ta’ ġieħ lill-emigrant Malti. Meta, maż-żmien, il-Kummissjoni Emigranti saret ukoll il-pijuniera Maltija fix-xogħol ta’ protezzjoni internazzjonali u appoġġ umanitarju lill-barranin li jfittxu l-ażil f’Malta, Mons Calleja ħa ħsieb li Dar l-Emigrant issir ukoll ċentru ta’ ħidma mar-refuġjati.

“Mons Philip, kif nistgħu naraw minn dan il-ktieb dwar ġrajjietu, emmen f’dak li għamel u  għadu jemmen u jaħdem bis-sħiħ biex jara li l-organizzazzjoni li kabbar u mantna għal dawn is-snin kollha tkompli miexja ’l quddiem. Għadu sal-lum, fl-eta’ ta’ 91 sena, jagħti l-kontribut tiegħu bl-akbar ħeġġa u żelu,” jikteb Mons Alfred Vella, suċċessur ta’ Mons Calleja bħala Direttur tal-Kummissjoni Emigranti, fid-Daħla tal-ktieb.  Mons Vella jkompli jgħid li Mons Calleja kellu u għad għandu “ħeġġa kbira biex ikun disponibbli għal dawk kollha li jkollhom jiċċaqilqu minn pajjiżhom biex imorru jfittxu futur aħjar f’pajjiżi oħrajn.”

Il-ktieb fih ħames taqsimiet dedikati lit-trobbija ta’ Mons Philip Calleja u ħajtu fil-Belt; l-imħabba u d-dedikazzjoni enormi tiegħu għall-emigrant Malti u familtu; il-ħidma tiegħu fil-Knisja; il-qalb kbira sammaritana tiegħu għar-refuġjati; u x’jgħid Mons Calleja dwar persuni partikolari fit-triq ta’ ħajtu.

L-għejjun fundamentali tal-informazzjoni fil-bijografija huma Mons Calleja nnifsu, l-Arkivji tal-Kummissjoni Emigranti u tal-Mużew tal-Migrazzjoni f’Dar l-Emigrant, u l-esperjenzi personali diretti tal-awtur fil-bosta snin ta’ ħidma tiegħu qrib Mons Calleja u fil-Kummissjoni Emigranti. 

Mons Calleja jgawdi diversi rikonoxximenti internazzjonali u lokali  għall-impenn tiegħu.

Fis-16 ta’ Marzu, 2010, Dr Stephen Gatt, President tal-Federazzjoni tal-Maltin Imsefrin (Federation of Maltese Abroad) ippreżenta lil Mons Calleja plakka ta’ Rikonoxximent li tgħid hekk: “In recognition of a life time of service, labour and travail well in excess of the call of duty in the interests of Maltese Migrants across the diaspora.”

Mons. Calleja jgawdi wkoll l-apprezzament tal-UNHCR għas-servizz  tiegħu u tal-Kummissjoni Emigranti lill-aġenzija internazzjonali tar-refuġjati bħala l-Operational Partner tagħha f’Malta mill-1987 sal-2004. Dan l-għarfien jinsab reġistrat f’Ċertifikat ta’ Rikonoxximent datat 23 ta’ Settembru, 2004.