Il-Qassis maħtuf fin-Niġer għadu ma nħelisx

Fr Pier Luigi Maccalli għadu miżmum ostaġġ

Il-missjunarju Fr Pier Luigi Maccalli, li nħataf fis-17 ta’ Settembru li għadda, jinsab qawwi u sħiħ. Din l-aħbar ngħatat minn Mons. Djalwana Laurenet Lompo, Isqof ta’ Niamey li taħtu taqa’ wkoll il-missjoni tas-saċerdot maħtuf.

Iżda filwaqt li talab lill-Insara biex jemmnuh meta qed jgħid hekk għax din hi l-verità, għal raġunijiet ta’ sigurtà ma setax jiżvela s-sorsi li wasslulu din l-informazzjoni.

Fr Désiré Salako kien l-ewwel wieħed li sar jaf bil-ħtif ta’ Fr Gigi u minn dik il-ġurnata f’Settembru ‘l hawn, kemm bħala konfratell kif ukoll bħala Superjur tal-Kongregazzjoni, kien qed isegwi pass pass kulma kien qed iseħħ u kien f’kuntatt mal-awtoritajiet tan-Niġer.

Ftit tal-jiem ilu, is-Superjur Ġenerali tal-Kongregazzjoni għamel żjara lill-familja tas-saċerdot maħtuf li tgħix fi Cremona, l-Italja u qalilhom li kien fiduċjuż li ma jdumx ma jara lil Fr Gigi lura f’saħħtu u qawwi u sħiħ. Hu assigura l-familja li kien hemm ħafna persuni li qed jaħdmu għall-ħelsien tiegħu b’diversi modi, imma talab biex isir aktar talb għal dan l-iskop.

It-tħassib ewlieni, kemm tal-awtoritajiet tan-Niġerja kif ukoll tal-ambaxxata Taljan fil-pajjiż dejjem kien dwar is-sigurtà ta’ dan il-missjunarju u li jekk ma jsir xejn ħajtu kienet se tkun f’aktar periklu. “Nittamaw li din l-istorja tispiċċa b’wiċċ il-ġid u mingħajr vjolenza bla bżonn. Għalhekk irid ikollna l-paċenzja. Iż-żmien għaddej u s-silenzju u n-nuqqas ta’ aħbarijiet m’għandhomx ikunu interpretati bħallikieku mhu jsir xejn. Għall-kuntrarju din hi atmosfera tajba biex iż-żewġ naħat jagħmlu kuntatti fil-kwiet u b'”fiduċja reċiproka,” qal is-Superjur Ġenerali.

Hu rringrazzja lil kulħadd għat-talb li qed isir f’diversi partijiet tal-Italja u f’pajjiżi oħra, għall-ħelsien ta’ Fr Gigi u persuni oħra li qed jinżammu bħala priġunieri fin-Niġerja.

“Ejjew nitolbu għall-paċi u l-armonija fin-Niġerja u għas-serenità tal-komunità Nisranija żgħira li hemm fil-pajjiż. Inkomplu nitolbu b’insistenza, perseveranza u fiduċja u nżommu ħajja l-fjamma tal-affett u l-attenzjoni tagħna għal Fr Gigi,” stieden il-kap tal-kongregazzjoni.

Hu appella wkoll biex isir talb għal dawk li ħatfu lis-saċerdot missjunarju għax Ġesù stess qalilna biex nitolbu għall-għadu tagħna għax nemmnu li Alla jista’ jibdel il-qlub u jpoġġi fihom sentimenti ta’ umanità u ġustizzja.