Il-qassis li qatluh il-Mafja

Don Pino Puglisi
Don Pino Puglisi

Don Pino Puglisi kien saċerdot Sqalli, kappillan ta’ Brancaccio, kwartier żgħir u mitluq f’Palermo. Iġġieled lill-Mafja bil-kelma u l-edukazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ. Għax għamel hekk, heddewh u fl-aħħar dabbar tir ta’ pistola f’għonqu – propju dakinhar li għalaq 56 sena: il-15 ta’ Settembru 1993. Imma ħidmietu, anki llum, għadha ta’ ispirazzjoni għal ħafna. L-eżempju kuraġġjuż tiegħu, mimli fidi, għandu jimliena kuraġġ biex nemmnu fl-edukazzjoni u ma nieqfu qatt neħduha kontra l-ħażen organizzat li jeżisti.

Missieru skarpan; ommu ħajjata. Kien qasir u rqajjaq. Kienu jsejħulu “3P” – Padre Pino Puglisi. Dejjem jitbissem; jitkellem bil-mod; jipprova jsib il-kelma addattata. Meta kien jisimgħek, kien ikun moħħu f’dak li qed tgħidlu, qisu ma jeżisti ħadd aktar ħliefek. Sentenza famuża tiegħu: Alla jħobbna, imma dejjem permezz ta’ ħaddieħor.


“Ħalluni hawn qalb il-foqra”

Kien stunat … imma xorta kien ikanta. Jagħtik appuntament … u dejjem jasal tard! Ibati b’imsarnu … imma jibqa’ jiekol l-ikel tal-bottijiet biex jgħaġġel. Kien jgħid li l-petrol kien il-ħobż tiegħu għax iktar kien jimpurtah li jimla l-karozza bil-petrol milli l-friġġ bl-ikel, biex ikun jista’ jmur kullimkien, anki billejl. Bl-għaġla u b’elf ħsieb iduru f’rasu, spiss kien jitlef iċ-ċwievet. Kien imferfex; ibeżżgħek tarah isuq! Kien iqum mas-sebħ biex jitlob. Fi tmiem il-jum, maħlub, kien joqgħod jaqra fuq il-pultruna, fejn spiss kien jispiċċa jorqod.

Ma kellux kont il-bank; il-geyser dejjem imtaqqab; il-vitijiet kollha jqattru. L-unika ħaġa ta’ preġju li kellu d-dar kienet librerija mimlija kotba tal-filosofija u l-psikoloġija. Meta offrewlu karigi ta’ prestiġju jew f’parroċċi inqas perikolużi, kien iweġibhom: ‘Ħalluni hawn, qalb il-foqra!’

Kien jirrifjuta l-flus li l-Mafjużi kienu joffrulu għall-festa tal-parroċċa ta’ San Gejtanu. Ma kienx iħalli Mafjużi magħrufa jakkumpanjaw f’purċissjonijiet reliġjużi. Meta ġie biex jirrestawra knisja li s-saqaf tagħha kien qed jaqa’, ma ħalliex li x-xogħol isir minn kuntrattur issuġġerit lilu mill-Mafja. Madankollu, mill-pulptu tal-knisja kien saħansitra stieden lill-għedewwa moħbija tiegħu: ‘Ejjew nitkellmu u niddiskutu.’

Ried isalva lit-tfal mill-Mafja

Don Pino (Giuseppe) ma ppruvax jikkonverti lil min kien ilu maqbud fl-għanqbuta tal-Mafja, imma għamel minn kollox biex ma jħallix jidħlu fiha lit-tfal li kienu jiġru barra fit-toroq. Dawn it-tfal kienu jħarsu lejn il-Mafjużi bħala l-idoli tagħhom, nies li jistħoqqilhom rispett, li ta’ min jimitahom u jkun bħalhom. Kien jemmen li fit-tfal wieħed jista’ jħalli marka. Permezz ta’ attivitajiet u logħob kien jurihom kif wieħed jista’ jikseb ir-rispett tal-oħrajn bla ma jkun kriminal; li wieħed jista’ jirbaħ ir-rispett billi jħaddan ideat u valuri tajba. Don Puglisi neħħa mit-toroq ħafna tfal li mingħajru kienu jibdew b’xi serqa żgħira u jispiċċaw fil-kuntrabandu tas-sigarretti jew it-traffikar tad-droga. B’hekk huwa sar ostaklu għall-Mafja għax kien qed ‘jeħodilhom’ it-tfal.  

Don Pino kien qed jaħseb ukoll biex jorganizza skola sekondarja li ma kenitx teżisti fi Brancaccio. Lanqas ma kienu jeżistu klinika tal-first aid jew servizz diċenti ta’ trasport pubbliku. Waqqaf ukoll assoċjazzjoni biex tagħfas fuq il-kunsill lokali ħalli jsiru t-tibdiliet meħtieġa – iżda dawn ma kellux jarahom sakemm dam ħaj. Kien iħobb jgħid: Kieku kulħadd jagħmel xi ħaġa, allura jista’ jsir ħafna!

Kif qatlu lil Don Pino

Fil-15 ta’ Settembru 1993, Don Pino ħareġ mill-karozza Fiat bajda tiegħu, u kien dieħel f’daru fi Piazza Anita Garibaldi, f’xi l-għaxra ta’ billejl wara surprise party li għamlulu ħbiebu f’għeluq sninu.

Salvatore Grigoli, Mafjuż ta’ 30 sena, jirrakkonta hekk il-mument tal-qtil: “Is-saċerdot kien qed jipprova jiftaħ il-bieb tad-dar. Kellu bagalja f’idu. Kollox ġara fi ftit sekondi. Indunajt li Gaspare Spatuzza (29 sena) resaq qrib tiegħu, ħadlu l-bagalja u qallu b’vuċi baxxa, ‘Dun, din hija serqa.’ Don Pino dar, ħares lejh u tbissimlu (ħaġa li qatt m’jien se ninsa u li ma ħallitnix norqod billejl) u qallu, ‘Kont qed nistennieha’. Bija lanqas kien induna għax kont warajh. Imbagħad sparajtlu tir f’għonqu, minn wara.”

Grigoli u Spatuzza weħlu għomorhom il-ħabs. Wara, nidmu minn għemilhom u bdew it-triq tal-konverżjoni. L-istess weħlu l-aħwa Filippo u Giuseppe Graviano, il-‘mandanti’.

Fuq il-qabar ta’ Puglisi fiċ-Ċimiterju ta’ Sant’Ursula f’Palermo hemm minquxa l-kliem mill-Vanġelju ta’ San Ġwann: “Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu.”

Tista’ tara l-verżjoni diġitali ta’ FLIMKIEN billi tagħfas hawn.

Flimkien Settembru Cover