Il-qasam tal-liġi fi żmien il-Covid-19

Ritratt: Tingey Injury Law Firm

Read in English.

X’inhu r-rwol tal-liġi fi żmien il-Covid-19? Kif għandha l-liġi tirrispondi għad-diversi diffikultajiet, kwistjonijiet u sfidi maħluqa mill-pandemija li għaddejja bħalissa? Liema soluzzjonijiet jeżistu diġà fil-liġi, u liema soluzzjonijiet ġodda għandhom jiġu introdotti?

Huwa fatt magħruf li l-pandemija biddlet id-dinja b’mod li ħadd qatt ma immaġina jew qatt seta’ jbassar u s-settur legali ċertament mhuwiex eċċezzjoni. Fil-fatt, il-konsegwenzi ekonomiċi, finanzjarji u legali tal-pandemija huma potenzjalment massivi u l-avukati kellhom jissieltu ma’ problemi legali u prattiċi li rriżultaw mill-inkapaċità, jew in-nuqqas ta’ rieda li jwettqu obbligi kuntrattwali.

“Fejn tidħol il-professjoni legali u l-applikazzjoni tal-liġi, Covid-19 qajjmet numru ta’ mistoqsijiet pertinenti li ta’ min inwieġbuhom. Kien għalhekk li bħala prattikanti legali, iddeċidejna li nippruvaw nidentifikaw u nanalizzaw il-konsegwenzi u l-implikazzjonijiet miġjuba minn Covid-19 għad-diversi oqsma tal-liġi u attivitajiet ekonomiċi permezz ta’ webinar bit-tema ‘Il-Liġi fl-Età ta’ Covid-19” spjega Dr David Fabri li jmexxi l-Malta Law Academy fi ħdan il-Kamra tal-Avukati.

Waqt dan il-webinar, li se jsir nhar l-Erbgħa 25 ta’ Novembru bejn is-2.00 u l-4.00 ta’ wara nofsinhar, ħames esperti legali se jaqsmu l-opinjonijiet u l-esperjenzi tagħhom dwar aspetti u sfidi relevanti li ltaqgħu magħhom personalment fl-oqsma rispettivi tagħhom matul dawn l-aħħar xhur kemmxejn diffiċli.

Dr Ivan Vella se jitkellem dwar il-Liġi tal-Kumpaniji, Dr Stefano Filletti se jiffoka fuq il-Liġi Kriminali, Dr Ian Spiteri Bailey se jitkellem dwar il-Liġi ta’ l-Impjiegi, Dr Ann Fenech se tindirizza l-Liġi Marittima filwaqt li Dr Massimo Vella se jitratta l-Liġi Ċivili.

“Dan il-webinar għandu jgħin lil kull min jipprattika l-liġi sabiex jifhem aħjar jekk il-liġijiet kif inhuma bħalissa joffrux soluzzjonijiet sodisfaċenti u kif dawn l-istess liġijiet kapaċi jgħinuna naffaċċjaw problemi legali kawżati minn din il-kriżi,” żied jgħid Dr Fabri.

Kull min jixtieq jirreġistra għal dan il-webinar ‘The Law In The Age of COVID-19’ għandu jżur il-link.

Dan it-tagħrif twassal miċ-Chamber of Advocates.