Il-qarnit qed jaħrab barra l-baħar…għaliex?

Għexieren ta' qarnit qegħdin jidhru fuq ix-xtajtiet f'Ceredigion, f’Wales fir-Renju Unit wara li ħarbu mill-baħar u tkaxxkru għal fuq l-art. 
Dan ġie rrappurtat fil-midja internazzjonali wara li bosta nies mill-lokal nnutaw dan il-fenomenu li qatt ma kienu raw bħalu qabel. Brett Stones, raġel li jmexxi negozju bil-laneċ f’din il-bajja qal li meta rritorna minn vjaġġ madwar l-10pm, ra l-qarnit jitkaxkar fuq l-art .
“Rajthom ħerġin mill-ilma u jitkaxkru fuq il-bajja. Ma nafux għaliex qegħdin jagħmlu hekk”, qal f’kumment lill-midja. Żied jgħid li forsi għaliex il-baħar kien imqalleb aktar minn qatt qabel dan l-aħħar. Hu saħaq ukoll li jekk xi nies jilmħu dawn il-kreaturi għandhom jippruvaw jerġgħu jwassluhom fl-ilma. 
Skont esperti f’dan il-qasam, normalment il-qarnit jista’ jsalva għal ftit minuti fuq l-art.