Il-qari tal-istudenti Maltin tal-primarja fost l-agħar f’50 pajjiż

Rapport ippubblikat il-ġimgħa li għaddiet ipoġġi lil Malta lejn l-aħħar tal-lista tal-pajjiżi fejn tidħol il-kapaċità tal-qari fost l-istudenti tal-primarja.
Fil-lista tal-Progress in International Reading Study Malta tpoġġiet fl-40 post fost 50 pajjiż, bl-istudenti Maltin imorru ħafna agħar minn kif marru fl-2011. Dan ifisser li Malta ġiet l-aħħar fost il-pajjiżi Ewropej.
Il-qari fost l-istudenti Maltin kien aħjar minn dak ta’ disa’ pajjiżi biss li huma: il-Bahrain, il-Qatar, l-Arabja Sawdija, l-Iran, l-Iman, il-Kuwajt, il-Marokk, l-Eġittu u l-Afrika ta’ Isfel.
L-istudenti Maltin li ħadu sehem intgħażlu minn 95 skola primarja minn madwar Malta u Għawdex. Ftit aktar minn 2,000 student intgħażlu minn 62 skola tal-Gverm, aktar minn 1,200 minn 25 skola tal-Knisja u kważi 370 student minn tmien skejjel privati.
L-istess rapport sab li l-istudenti Maltin fl-iskejjel tal-Knisja jaqraw aħjar minn dawk tal-iskejjel tal-Gvern u anke tal-iskejjel privati. L-istudenti tal-iskejjel tal-Gvern marru aħjar minn dawk fl-iskejjel indipendenti.
Ir-rapport isib rabta bejn il-kapaċità tal-qari u s-saħħa tal-istudenti. Skont ir-rapport, studenti b’saħħithom imorru aħjar fil-qari minn dawk li jaslu l-iskola bil-ġuħ jew għajjiena. Ir-rapport sab li 40% tal-istudenti Maltin jaslu l-iskola bil-ġuħ u 32% jaslu għajjiena.
L-istudju jikkonkludi wkoll li l-istudenti Maltin iqattgħu inqas ħin jistudjaw il-lingwi fl-iskejjel meta wieħed iqabbel il-178 siegħa mal-medja internazzjonali ta’ 242 siegħa. Dan minkejja li l-istudenti Maltin iqattgħu aktar ħin l-iskola mill-medja internazzjonali.
Dwar l-għalliema, l-istħarriġ isib li 7% biss tal-għalliema Maltin ikomplu jistudjaw għall-grad ta’ Maġisteru jew Dottorat, meta l-medja internazzjonali hija ta’ 26%. Minkejja dan, il-persentaġġ ta’ għalliema Maltin li għandhom Baċċellerat (84%) huwa ogħla mill-medja internazzjonali ta’ 60%.