Il-qari manwali tal-meters ma jistax jinqata’ kompletament – ARMS

L-Automated Revenue Management Services Limited (ARMS), il-kumpanija li fl-2009 tqabbdet tamministra l-meters tad-dawl u tal-ilma, qalet li l-qari manwali tal-meters ma jistax jinqata’ kompletament – hemm minnhom li ma jistgħux jinbidlu u hemm oħrajn bi problemi tekniċi.

Klijenti bi smart meter li xorta jinqara manwalment

Iċ-Chief Operations Officer tal-ARMS Nikita Zammit Alamango qalet ma’ Newsbook.com.mt li dawk il-meters li għadhom ma nqalbux fuq is-sistema awtomatika jridu jinqraw manwalment. “Il-qari manwali ma jistax jinqata’ kompletament għaliex dejjem jibqa’ meters li minħabba raġunijiet tekniċi ma jkunux jistgħu jinqalbu fuq is-sistema tal-‘AMM’ (Automatic Meter Management).”

Newsbook.com.mt huwa infurmat li hemm konsumaturi li għalkemm għandhom meter modern, xorta għadu jmur għandhom il-meter reader. Zammit Alamango spjegat li dan jiġri minħabba raġunijiet tekniċi fejn il-meter, minkejja li jaqra sew ma jkunx trażmetta l-qari b’mod attwali.

Mistoqsija minn Newsbook.com.mt dwar x’passi ħadet l-ARMS dan l-aħħar biex ittejjeb is-sistema tal-kontijiet tagħha, Zammit Alamango qalet li l-ARMS ħadet ħsieb li dwar il-meters li għal xi raġuni ma jistgħux jinqalbu fuq AMM, jintbagħat meter reader aktar frekwenti. Dan biex ikun hemm qari tal-konsum attwali.

Zammit Alamango fakkret li f’Diċembru li għadda, ġie mniedi portal uffiċjali ġdida tal-ARMS fejn wieħed jista’ jissottometti l-qari.

“Dan għen mhux ftit biex jonqsu l-ilmenti u biex l-ARMS tkun aktar effiċjenti u effettiva,” qalet Zammit Alamango.

“Naqsu b’mod drastiku l-kontijiet li joħorġu fuq stima”

F’Diċembru tal-2018 Zammit Alamango kienet qalet li l-meters jinqraw b’mod manwali fejn is-sistema ma tlaħħaqx. Qalet li “din il-prassi se tibqa’ tinżamm sakemm is-sistema tkun aktar preċiża u għal raġunijiet ta’ verifika u moniteraġġ ta’ ħsarat li jistgħu jinqalgħu.”

Kienet qalet ukoll li matul l-aħħar snin l-ARMS naqqset “b’mod drastiku” n-numru ta’ kontijiet li joħorġu abbażi ta’ stima.

“Fil-fatt, il-kumpanija qed toħroġ madwar 78% tal-kontijiet tas-servizzi bbażati fuq qari attwali, dan meta fl-2013 kienu jlaħħqu biss it-48%. Bil-mod, dan it-titjib qed jelimina d-diffikultajiet li jħossu l-konsumaturi meta jiġu biex jassessjaw il-konsum tagħhom li jkun ibbażat fuq stimi.“

Żiedet tgħid li l-ARMS iċċempel lill-klijenti tagħha qabel ma jmur il-meter reader. Madanakollu Newsbook.com.mt hu infurmat li dan mhux dejjem jiġri.

Xi jfisser meta l-kont juri “N” mingħajr ma jkun mar meter-reader?

Fl-2018, Zammit Alamango spjegat li kont “N” hu kont li suppost ħareġ b’qari attwali iżda għal xi raġunijiet diversi l-qari ma wasalx.

“L-aktar żewġ raġunijiet komuni huma li jew mar il-meter reader u l-klijent ma tahx aċċess jew minħabba raġunijiet tekniċi, hekk kif meter awtomatiku jfalli għal dak il-kont partikolari.

Persuna tista’ titlef l-iskont tal-eko-kontribuzzjoni jekk il-kont ikun ħareġ b”N’ reading?

Fi kliem Zammit Alamango, l-eco reduction huwa sussidju fuq konsum tad-dawl mogħti mill-Gvern fuq kontijiet residenzjali biex jinċentiva lill-klijenti jnaqqsu l-konsum u b’hekk jiġu ppremjati dawk li jikkonsmaw l-anqas.

Żiedet tgħid li f’każ li kontijiet ikunu fuq sistema awtomatika s-sussidju ma jintilifx. Spjegat li s-sussidju jintilef f’każ li l-kont ikun qed jinqara bil-meter reader u l-klijent ma jingħatax aċċess għal meter.