Il-qari, il-kitba u l-futbol jiżżewġu…

Tnieda l-proġett Bil-Qari u l-Kitba Niskorja, programm li jżewweġ flimkien il-litteriżmu ma’ wieħed mill-aktar passatempi favoriti mat-tfal, il-futbol.
Din l-inizzjattiva beħsiebha tindirizza l-isfida li jistgħu jsibu wħud mit-tfal meta jiġu biex jaqraw jew jiktbu. Ħafna tfal jaraw il-qari u l-kitba bħala kastig, jew biċċa xogħol li jridu jagħmlu kontra qalbhom, li ħafna drabi ssir malajr sabiex isiru passatempi oħra.
Dal-programm se jkun offrut lil studenti tar-raba’ u l-ħames sena tal-iskejjel primarji tal-istat. L-istudenti jipparteċipaw f’attivitajiet ta’ qari u kitba relatati mal-futbol.  B’mod partikolari, il-programm se jattira subien li ma tantx iħobbu jaqraw u jiktbu bil-Malti u bl-Ingliż f’dan il-livell.
Il-proġett pilota se jibda fl-Iskola Primarja f’Bormla mill-Kulleġġ Santa Margerita f’din is-sena skolastika stess.
Coaches professjonali u edukaturi tal-litteriżmu se jkunu preżenti fl-iskejjel tal-istat biex jippromwovu l-qari u l-kitba permezz tal-attività fiżika u l-logħba tal-futbol.
Il-Programm Bil-Qari u l-Kitba Niskorja tnebbaħ mill-Premier League Reading Stars fl-Ingilterra, u għandu s-sapport tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol u SportMalta.
L-inizjattiva qed issir bi sħab bejn is-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ u l-Isport u l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol. 
Ritratti: DOI – Lee Fardoe