Il-Qala u r-Rabat jilqgħu n-nies għall-ikla tal-Milied

Il-Paroċċi tal-Qala u ta’ San Ġorġ, fir-Rabat, Għawdex se joffru l-ikla tal-Milied għal min qed jgħix waħdu jew kien se jqatta’ Jum il-Milied waħdu.
Newsbook.com.mt tkellem mal-Arċipriet tal-Qala Dun Nazju Borg fejn qal li f’dan iż-żmien tas-sena qed jappella lil dawk li jgħixu waħedhom biex jingħaqdu miegħu għall-ikla tal-Milied.
Spjega li dan il-ġest nobbli qed isir mill-Paroċċa biex “b’mod konkret ngħinu lil min hu batut”.
L-Arċipriet irringrazzja lill-voluntiera tal-Paroċċa li qed jgħinu fil-preparazzjoni tal-ikla tal-Milied.
Semma’ wkoll diversi inizjattivi li l-Paroċċa tal-Qala għamlet waqt in-Novena. Fosthom, fejn it-tfal tal-Paroċċa ġew mistiedna joffru rigali lil tfal oħra refuġjati, kif ukoll billi jpoġġu ikel preservattiv taħt is-siġra tal-Milied biex imbagħad jingħata lill-familji refuġjati.
Għal Jum il-Milied, il-Parroċċa ta’ San Ġorġ, fir-Rabat Għawdex qed tħejji ukoll biex tilqa’ lin-nies li kienu se jagħmlu l-ikla waħedhom.
F’Malta, il-Caritas qed tistieden lil dawk waħedhom, li m’għandhomx familja u ħbieb, jew inkella bla saqaf fuq rashom, biex għada jmorru għandha u jieklu l-ikla tal-Milied flimkien.