Il-qgħad fost iż-żgħażagħ diskuss waqt l-Assemblea Ġenerali Ewropea tal-YMCA

Il-YMCA Malta ingħaqdet mal-kumplament tal-għaqdiet Ewropej fi ħdan il-YMCA sabiex tiddiskuti l-pjan 'il quddiem fil-ħidma tagħha.
Minkejja li l-qofol tal-attenzjoni tingħata liż-żgħażagħ li jinsabu bla dar, il-YMCA Malta testendi l-għajnuna tagħha lil numru ta' familji u persuni oħra ta' etajiet differenti.
Matul l-Assemblea Ġenerali Ewropea li saret fl-Estonja x-xahar li għadda, delegazzjoni Maltija li rrappreżentat lill-YMCA kellha ċ-ċans tiltaqa' u tiddiskuti ma' 50 membru ieħor li jiffurmaw parti mill-YMCA f'madwar 31 pajjiż.
Huma ġabru l-ideat kollha u f'seminar wieħed iddiskutew bosta temi li għandhom jiġu implimentati fil-pjan ta' ħidma għas-snin li ġejjin f'bosta pajjiżi madwar l-Ewropa.
L-attenzjoni prinċipali mistennija tingħata fuq kif għandha tiġi megħluba l-problema tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, il-faqar, il-problema ta' żgħażagħ bla dar u l-għadd ta' refuġjati jfittxu l-ażil f'bosta pajjiżi Ewropej.