Il-qaddisin ma nivvintawhomx: il-Kardinal Becciu

Il-Beata Anna Kolesarova

Meta kien qed jiċċelebra ‘l quddiesa fil-bidu ta’ dan ix-xahar fl-okkażżjoni tal-Beatifikazzjoni taż-żagħżugħa Anna Kolesarova, fil-Kattidral ta’ Kosice fis-Slovakia, il-Kadinal Angelo Becciu, Prefett tal-Kongregazzjoni għall-Kawża tal-Qaddisin, qal li wiħed ma jistax jimprovizza qaddis.

Il-Kardinal Becciu li għadu kif inħatar Prefett tal-imsemmija Kongregazzjoni offra lil din il-Beata ġdida bħala mudell liż-żgħażagħ.

Fl-Omelija tiegħu il-Prefett tal-Kongregazzjoni nsista li l-eroj u l-qaddisin wieħed ma jaqbadx u jivvintahom jew jimprovizzahom. Anna Kolesarova toffri mudell għall-ħajja taż-żgħażagħ u tgħinhom jiskopru s-sbuħija tal-imħabba vera kif ukoll il-valur tal-purità.

Anna Kolesarova inqatlet fit-22 ta’ Novembru 1944 fl-età ta’ 16-il sena minn suldat Sovjetiku li ried jabbużaha. “Hi kienet preparata għall-martirju grazzi għall-ħajja spiritwali intensa tagħha li kienet issaħħaħ bit-talb ta’ kuljum u l-frekwenza li biha kienet tersaq għas-sagramenti,” qal il-Kardinal.

Din kienet l-ewwel darba li l-Kardinal Becciu kien qed iqaddes quddiesa ta’ Beatifikazzjoni.  Hu fakkar fin-nisa li sfaw vittmi tul it-Tieni Gwerra Dinjija u anke dawk li jaqgħu vittmi llum. “Sfortunatament l-istupru hu meqjus bħala arma ta’ gwerra, imma ma hemm ebda piena għalih għax mhux meqjus bħala delitt kontra l-umanità.

“Din it-tip ta’ vjolenza għadha titwettaq anke llum fuq in-nisa anke fl-Ewropa ċivilizzata, fejn il-qtil tan-nisa qed ikompli jiżdied u ġisem il-mara ħafna drabi jkun oġġett ta’ negozju tal-persuna umana.

“Aħna lkoll konxji li hu ndispensabbli li nipproteġu l-ħolqien, li naħdmu favur arja nadifa, ilma tajjeb għax-xorb u l-ikel.  Imma wkoll, u forsi aktar importanti, li nipproteġu l-purità ta’ dak li hu l-aktar għażiż għalina: qlubna u r-relazzjonijiet interpersonali tagħna.

“Il-martirju biex tinżamm il-verġinità ikompli jixhed is-saħħa tal-imħabba t’Alla u għal Alla, imħabba li dejjem tirbaħ fuq il-kefrija tal-bniedem,” temm jgħid il-Kardinal Becciu fl-omelija tiegħu.