Il-Qaddisin huma persuni umani bħalna

Il-Papa Franġisku jiltaqa’ ma’ membri tal-Kongregazzjoni għall-Kawża tal-Qaddisin. (Vatican Media)

Nhar il-Ħamis li għadda l-Papa Franġisku ltaqa’ ma madwar 400 membru tal-Kongregazzjoni għall-Kawża tal-Qaddisin, liema Kongregazzjoni għalqet 50 sena mit-twaqqif tagħha kif inhi llum. Il-Papa ħeġġiġhom biex ikomplu jaħdmu u jeżaminaw bir-reqqa l-ħajja tal-kandidati għall-beatifikzzjoni u l-kanoniżazzjoni.

Il-Papa qal li f’dawn l-aħħar snin saru ħafna beatifikazzjonijiet u kanoniżazzjonijiet u dan ifisser li l-qaddisin huma mudell u gwida għall-ħajja nisranija, iżda huma persuni umani bħalna u jistgħu jintlaħqu minnha.

Koerenza Evanġelika

Fil-fatt “dawn huma nies li espejrenzaw il-ħajja ta’ kuljum, bis-suċċessi u l-fallimenti tagħha u fil-Mulej sabu s-saħħa biex iqumu u jkomplu l-vjaġġ tagħhom”. Hu saħaq fuq l-importanza li “inkejjlu l-koerenza evanġelika tagħna b’tipi differenti ta’ qdusija għax ‘kull qaddis hu missjoni ppjanata mill-Missier biex f’mumenti speċifiku tal-istorja, tirrifletti ċertu aspett tal-Evanġelju’”.

Il-Papa żied jgħid li x-xiehda tal-Beati u l-Qaddisin, iddawwalna, tiġbidna u tpoġġielna wkoll mistoqsijiet għax hi “il-Kelma t’Alla” magħġuna fl-istorja qrib tagħna. Madankollu rridu nitgħallmu naraw il-Qdusija fil-Poplu t’Alla, għax spiss din tkun moħbija u ma narawhiex.

F’dan ir-rigward il-Papa tkellem dwar ġenituri li jrabbu ‘l uliedhom b’imħabba kbira, f’irġiel u nisa li jaħdmu biex jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum, fil-morda, fir-reliġjużi anzjani li jibqgħi jitbissmu. “Ħafna drabi din hi l-Qdusija tal-ġirien, ta’ dawk li jgħixu qrib tagħna u huma riflessjoni tal-preżenza ta’ Alla fostna”.

Il-Papa ħeġġeġ lill-Kongregazzjoni biex tkompli tinvestiga u tirriċerka skrupolożament u b’eżatezza il-martirju, il-virtujiet eroiċi, l-offerta tal-ħajja, il-mirakli tal-kandidati għall-Qdusija u ma jħallu ebda dubju jew ambigwità u jkun hemm ċertezza meta tkun dikjarata l-qdusija tagħhom.

Konsulturi

Il-konsulturi fl-oqsma storiċi, teoloġiċi u mediċi huma msejħa biex jagħmlu xogħolhom b’libertà ta’ kuxjenza sħiħa u jifformulaw il-ġudizzji rilevanti b’rifelssjoni matura, imparzjalità u ma jkunux kundizzjonati mill-qasam li jiġu minnu.  Il-Papa lil dawn fakkarhom li l-miri speċifiċi tal-kawżi huma l-Glorja t’Alla u l-ġid spiritwali tal-Knisja, li huma marbuta flimkien fit-tfittxija għall-verità  u l-perfezzjoni evanġelika.

Postulaturi

Dwar il-Postulaturi, li jmexxi ‘l quddiem il-kawża tal-kandidati għall-Qdusija, il-Papa Franġisku qal li dawn ma għandhomx iħallu lilhom infushom jitmexxew minn viżjoni materjali jew interessi ekonomiċi. Ma għandhomx ifittxu li jingħoġbu u fuq kollox għandhom jevitaw dak kollu li hu kontra t-tifsira tal-ħidma ekklesjastika tagħhom.

Hu qal li l-Postulaturi, dejjem għandhom ikunu attenti li l-kawżi għall-Beatifikazzjoni jew Kanoniżazzjoni huma realtajiet ta’ natura spiritwali u mhux sempliċement proċedura. “Għalhekk dawn iridu jkunu trattati b’sensitività evanġelika kbira u b’rigorożità morali”.

Fl-aħħarnett il-Papa awtorizza l-Kongregazzjoni għall-Kawża tal-Qaddisin biex tippromulga għaxar digriet dwar il-beatifikazzjoni ta’ 33 kandidat.