“Il-qaddisin daqu l-morr tad-dnub imma mbagħad infetħu għall-Ħniena t’Alla”

L-Isqof ta’ Għawdex Monsinjur Mario Grech saħaq li l-qaddisin huma l-midinbin tal-bieraħ.
Waqt l-omelija tiegħu fis-solennità tal-Qaddisin kollha, l-Isqof Grech qal li l-qaddisin daqu l-morr tad-dnub imma mbagħad għamlu esperjenza tal-Ħniena t’Alla.
“Kull wieħed minna jista’ jagħmel din l-esperjenza,” saħaq Monsinjur Grech.
Kompla jgħid li hija kulħadd huma msejjaħ biex jieħdu sehem mill-qdusija ta’ Alla minn fuq din l-art.
Spjega li d-dgħjufija tal-bniedem ma tagħmilx din il-mixja faċli.  Iżda fakkar fi kliem il-ktieb tal-Apokalissi meta jgħid li l-qaddisin “huma dawk li ġejjin mit-taħbit il-kbir u l-ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajduhom fid-demm tal-Ħaruf.
“Il-qaddisin ma tweldux qaddisin, imma fil-ħajja tagħhom huma nfetħu għad-don tal-qdusija u kkollaboraw mal-grazzja li bidlithom bil-mod il-mod,” kompla jgħid l-Isqof Grech.
Fakkar ukoll fid-diskors magħruf tal-Muntanja meta Ġesù sejjeħ ħenjin lil dawk foqra fl-ispirtu “għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
Spjega li b’dawn il-kelmiet, Ġesù irid jagħmel qalb lill-midneb.
“Ix-xewqa tagħna biex naslu għall-qdusija taħraq id-dnub!”
Fost il-barkiet l-oħra semma wkoll:  “ħenjin dawk li jħennu, għax isibu ħniena.” Monsinjur Grech qal li Ġesù ma kienx qed jirreferi biss għal dawk li juru ħniena mal-proxxmu, imma Ġesù jħeġġeġ lill-bniedem biex juri ħniena miegħu nnifsu. 
“Spiss jiġri li s-suppervja ma tħalliniex nammettu d-dnub tagħna u għalhekk ningħalqu għall-grazzja li tista’ tibdilna. Imberkin dawk li kapaċi jaħfru lilhom infushom, għax huma qed iġarrbu l-qawwa tal-Ħniena ta’ Alla.”
Temm l-omelija tiegħu billi għamel il-qalb lil dawn preżenti għax fi kliemu, bl-għajnuna t’Alla, tal-Madonna u ta’ dawk li qed jaraw lil Alla, “aħna nistgħu nagħmluha!”