L-Isqfijiet Kattoliċi ta’ Burkina Faso bagħtu messaġġ ta’ kondoljanzi lill-Federazzjoni tal-Knisja Evanġelika fil-pajjiż wara l-attakk ta’ tmiem il-ġimgħa l-oħra fuq knisja Protestanta fejn inqatlu 14-il-persuna.
“Aħna ninsabu mnikkta ħafna b’dan l-att u qed nitolbu għall-erwieħ ta’ dawk maqtula”, qal il-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Konferenza Episkopali ta’ Burkina Faso.
Nhar il-Ħadd l-1 ta’ Diċembru, erbatax il-persuna spiċċaw massakrati fi knisja protestnta f’Hantoukoura, fil-Lvant ta’ Burkina Faso. Il-kappillan tagħhom qal li l-knisja li kienu fiha kienet waħda ġdida li fiha għad hemm madwar 30 nisrani, ħafna minnhom żgħażagħ.
L-attakk
Il-Kappillan spjega kif grupp ta’ persuni qasmu l-fruntiera min-Niġerja bil-muturi tagħhom. Meta waslu fil-knisja ssepraw lin-nisa mill-irġiel u ġiegħlu lill-irġiel biex jimteddu fl-art. Għattewlhom wiċċhom b’biċċa drapp u qatluhom wieħed wieħed. Numru minn dawk maqtula kienu tfal subien.
L-Isqof Justin Kientega ta’ Ouahigouya ikkundanna din il-vjolenza u qal li l-Gvernijiet tal-Punent huma responsabbli biex iwaqqfu milli jaslu l-armi lill-militanti fir-reġjun.
F’kummeli għamel lill-organiżazzjoni Aid to Church in Need, l-Isqof qal li jemmen li dan l-attakk hu parti minn attentat minn Islamiċi radikali biex jipprovokaw kunflitt reliġjuż fil-pajjiż fejn l-insara u l-Musulmin dejjem għexu flimkien fil-paċi. Sostna li d-dinja tal-Punent qed tinjora t-traġedja tal-insara fil-Punent tal-Afrika.
“L-insara qed ikunu persegwitati. Aħna l-Isqfijiet ilna xhur sħaħ nitkellmu u nikkundannaw dak li qed jiġri f’Burkina Faso, iżda ħadd m’hu jismagħna. Jidher li l-Punent hu aktar moħħu biex jipproteġi l-interessi tiegħu stess”.
Persekuzzjoni u qtil
Il-vjolenza dejjem tikber bejn gruppi militant armati f’Burkina Faso ġibdew l-attenzjoni internazzjonali tant li n-Nazzjonijiet Uniti, aktar kmieni din is-sena wissiet dwar “emerġenza umanitarja bla precedent” li hemm fil-pajjiż. Kważi nofs miljun persuna kellhom jaħarbu minn djarhom fl-aħħar ħames snin.
Din is-sena biss, fil-pajjiż inqatlu aktar minn 60 nisrani.
Ix-xahar li għadda, l-Papa Franġisku appella għal talb għal dan il-pajjiż u ħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jipproteġu liċ-ċittadini vulnerabbli u jippromwovu d-djalogu inter-reliġjuż u l-armonija fil-pajjiż.