Il-Pulse tniedi kampanja dwar l-Ewwel Għajnuna b’mira nazzjonali

L-għaqda studenteska Pulse nediet kampanja li l-għan tagħha se jkun li tqajjem kuxjenza dwar l-Ewwel Għajnuna fl-Università ta’ Malta, iżda aktar tard it-tir hu li din tinfirex fuq livell nazzjonali.
First Aid Second Chance tnediet il-ġimgħa l-oħra mill-Forum tal-Politika tal-Pulse, u hija t-tieni kampanja dis-sena wara r-ReThink.
L-għaqda qalet li dil-kampanja se tkompli tixprunah biex ikun minn ta’ quddiem fl-influwenza tal-aġenda nazzjonali, u rrimarka li kampanja simili ma tistax tkun suċċess jekk ma jkunux ikkontribwiti fiha sigħat sħaħ mill-membri f’ħidma mal-eżekuttiv.
L-Uffiċjal tal-Politika Soċjali tal-Pulse, Owen Michael Grech, qal waqt it-tnedija li s-sena l-oħra seħħew diversi inċidenti li skontu setgħu ġew evitati, u allura din kienet ir-raġuni ewlenija għala ħaseb biex tinħoloq kampanja bħal din.
Enfasizza li First Aid Second Chance timmira li ġġib bidla.
Min-naħa tiegħu, Dr Marius Caruana, membru fil-Malta Resuscitation Council feraħ lill-Pulse għal din l-inizjattiva, filwaqt li stressja l-importanza ta’ intervent f’waqtu meta persuna tkun fit-tarf ta’ ħajjitha.
Fakkar li l-attakki tal-qalb iseħħu l-biċċa l-kbira fil-komunità quddiem in-nies, iżda xorta waħda n-nies jibqgħu jmutu qabel jaslu l-isptar.
Qal li meta xi ħadd jagħtih attakk, jekk ma jingħatax l-ewwel għajnuna b’CPR f’6 minuti l-moħħ jispiċċa bla ossiġnu, u ma kull minuta li tgħaddi mingħajr ħadd ma jagħfas sider il-persuna biex itellagħlha l-ossiġnu, iċ-ċans għall-ħajja jonqos b’10%.
Il-President tal-Pulse, JohnLuke Ellul, li għalaq billi fost l-oħrajn qal li jħossu sigur li dil-kampanja se tħalli l-frott.
Ritratt: Facebook (Pulse)