Il-Pulizija u TM x’aktarx qed jiksru l-liġi – espert

The Malta Police Force

Read in English.

Esperti fil-liġi tal-IT, li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt bil-kundizzjoni li jibqgħu anonimi, qalu li l-ftehim iffirmat bejn il-Korp tal-Pulizija u Transport Malta (TM) x’aktarx jikser il-liġi. Filwaqt li l-Kummissarju għall-Protezzjoni tal-Informazzjoni u d-Data informa lil Newsbook.com.mt li ma kienx ikkonsultat, din il-kamra tal-aħbarijiet sabet ostaklu meta ppruvat tikkuntattja lill-Uffiċjali tal-Protezzjoni tad-Data tal-Korp tal-Pulizija u Transport Malta.

Il-Pulizija b’aċċess għall-kameras fit-toroq

Ma ġejtx ikkonsultat – Il-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data

Il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data Saviour Cachia qal ma’ Newsbook.com.mt li ma ġiex ikkonsultat dwar il-ftehim li sar bejn il-Korp tal-Pulizija u Transport Malta. Permezz ta’ dan il-ftehim il-Pulizija se jkollhom aċċess għall-materjal awdjoviżiv irrekordjat minn 60 kamera madwar Malta u Għawdex.  Il-kameras, li jitħaddmu minn Transport Malta, se jiżdiedu b’250 oħra fix-xhur li ġejjin.

Cachia qal li l-uffiċċju tiegħu se jkun qed janalizza l-ftehim meta jkun disponibbli. Il-Memorandum of Understanding, iffirmat mill-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u ċ-Chairman ta’ TM Joseph Bugeja fil-preżenza tal-Ministru Michael Farrugia, ma ġiex ippubblikat.

Saviour Cachia spjega li wieħed għandu janalizza l-użu tal-filmati kif ukoll għal kemm żmien se jinżammu l-filmati.

X’aktarx qed tinkiser il-liġi – espert

Espert legali li kkuntattja Newsbook.com.mt qal li dan il-ftehim bejn il-Pulizija u TM “…jidher li qed jikser il-liġi tal-GDPR”.

“Meta tinġabar data personali fuq skala kbira, hemm bżonn li jsir assessjar fuq l-impatt li jħalli qabel ma tibda l-ħidma. Dan l-assessjar għandu jiġi approvat mill-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data”, żied jgħid.

It-tweġibiet tal-Kummissarju Cachia jindikaw li l-assessjar ma sarx, tant li l-Kummissarju lanqas ġie kkonsultat.