​Il-Pulizija u TM jinvestigaw uffiċjal li hedded raġel

Il-Pulizija u Transport Malta (TM) qed jinvestigaw l-aġir ta’ uffiċjal ta’ TM, li allegatament beda jhedded lil raġel fir-Rabat Għawdex f’każ li ġie deskritt bħala ‘abbuż ta’ poter’.
Is-Sibt li għadda, Newsbook.com.mt irrapporta kif il-vittma, Frankie Buttigieg, fil-ġimgħat li għaddew, ġie ordnat minn uffiċjal ta’ TM biex ineħħi l-karozza (ipparkjata f’parkeġġ pubbliku) ħalli jkun jista’ jipparkja hu minfloku. Fi kliemu, dan wara li l-uffiċjal ma sabx post għall-karozza privata tiegħu.
Kelliem għal Transport Malta qal li l-Awtorità rċeviet rapport dwar argument li jinvolvi uffiċjal tagħha. Żied jgħid li jekk jirriżulta li kien hemm xi nuqqas, jittieħdu “passi dixxiplinarji”. Il-kelliem saħaq li “l-Awtorità tistenna li l-uffiċjali li jirrappreżentawha jġibu ruħhom kif jixraq u ma tittollerax abbużi”.
Fis-sezzjoni tal-kummenti tal-artiklu oriġinali, persuna b’isem fittizju staqsiet jekk ir-rapport li sar fil-konfront tal-uffiċjal sarx bi tpattija. Żied jgħid li kieku huwa kien l-uffiċjal, kien jiftaħ libell kontra l-protagonist tal-artiklu u saħansitra kontra Newsbook.com.mt.
F’risposta għal dawn l-allegazzjonijiet, Buttigieg wieġeb li hu qatt ma kien ingħata ċitazzjoni mill-uffiċjal inkwistjoni fil-passat. Stqarr li qatt ma kien iltaqa’ mal-uffiċjal qabel l-inċident li seħħ fid-19 ta’ Diċembru.
Żied jgħid li sitt ijiem wara li seħħ l-inċident, huwa ssejjaħ l-għassa tal-Pulizija.
Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, kelliema għall-Korp tal-Pulizija kkonfermat li seħħ il-każ u li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.