“Il-Pulizija u l-kriminali jimxu lambranzetta” – Beppe Fenech Adami

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li Malta tinsab f’sitwazzjoni fejn il-Pulizija u l-kriminali qed “jimxu lambranzetta flimkien”.
Meta tkellem fil-Parlament, Fenech Adami qabbel dak li qed jiġri llum mas-sitwazzjoni politika f’Malta fis-sebgħinijiet u fit-tmeninijiet, fejn fi kliemu “l-kriminali kienu protetti mill-Pulizija”.
Għamel analoġija ma’ dak li ġara wara l-qtil ta’ Raymond Caruana, fejn sostna li l-istorja tirrepeti ruħha, kemm fit-tajjeb kif ukoll fil-ħażin. Fakkar kif il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien kien qal li se jagħmel minn kollox biex isolvi dan il-qtil, meta fil-verità l-awtoritajiet kienu qed jippjanaw frame-up.
F’diskors imqanqal, Fenech Adami fakkar kif bħala tifel ta’ 11-il sena kienu ġew il-Pulizija d-dar tal-ġenituri tiegħu, juruh ritratti ta’ kriminali li daħlu d-dar. Hawnhekk dar fuq id-deputata Laburista Rosianne Cutajar u akkużaha li bdiet tidħak dwar din is-sitwazzjoni ddisprata li jinsab fiha l-pajjiż.
Eżatt wara, id-deputata parlamentari Marlene Farrugia ukoll ikkritikat il-fatt li Cutajar bdiet iċċarrat ħalqha kull darba li tissemma Daphne Caruana Galizia u qalet li dan huwa sinjali ta’ diżrispett kbir lejn il-familjari tagħha. Iktar tard fis-seduta, Rosianne Cutajar b’risposta iċċarat li mhux minnu li kienet qed titbissem kull meta issemma isem Caruana Galizia.