Il-Pulizija twieġeb dwar dak li qalet Efimova

Il-Pulizija qalet li l-whistleblower ta’ Pilatus Bank Maria Efimova qatt ma ġiet trattata ħażin mill-Pulizija waqt l-interogazzjoni li saret f’Awwissu tal-2016.
Skont il-Pulizija, mhux veru li tteħdilha l-mowbajl u li żewġ uffiċjali ta’ Pilatus kienu preżenti għall-istess interrogazzjoni.
Fi kliem il-Pulizija, mhux minnu li Efimova ntalbet tiskuża ruħha mal-uffiċjali.
Mal-gazzetta Griega Kathimerini fl-aħħar jiem, Efimova qalet li waqt li kienet qed tiġi interrogata mill-Pulizija f’Malta, uffiċjali ta’ Pilatus Bank kienu preżenti. Qalet ukoll li l-pulizija Maltin li interrogawha qalu li kienu ħbieb ta’ Pilatus Bank.
Maria Efimova, omm ta’ żewġt itfal, kienet għaddiet l-informazzjoni lill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia dwar kontijiet sigrieti f’isem mart il-Prim Ministru Michelle Muscat, li fihom allegatament ġew trasferiti €1 miljun mit-tmexxija tal-Ażerbajġan. Is-Sinjura Muscat dejjem ċaħdet dawn l-allegazzjonijiet.
Efimova ħarbet minn Malta wara li qalet li kienet qed tibża’ għal ħajjitha.
F'Novembru fil-Qorti nstema’ li nħareġ mandat Ewropew u Internazzjonali għall-arrest ta' Efimova, għax ma dehritx għas-seduti tal-Qorti.