Il-pulizija tressaq lir-raġel li nqabad jarmi skart f’għalqa

Il-Pulizija se tressaq persuna wara li Newsbook.com.mt il-ġimgħa li għaddiet ippubblika ritratti ta' raġel jitfa' xi skart f'għalqa fil-Mosta.

It-Taqsima tar-Relazzjonijiet Pubbliċi tal-Pulizija kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt li l-persuna ġiet identifikata u se jinħarġu l-akkużi neċessarji relatati mal-każ.

Dan ir-rimi ta’ skart illegali seħħ nhar il-Ħadd 15 ta’ Settembru meta r-raġel intlemaħ jiddisponi minn kartun, injam u plastik fi Triq Durumblat fil-Mosta.

Qarrejja ta’ Newsbook.com.mt bagħtitilna r-ritratti u spjegat kif ir-raġel li kien għaddej bil-karozza, waqaf fil-ġenb, fetaħ il-bagoll u beda jarmi l-iskart f’għalqa.

Iddeskriviet dan l-aġir bħala wieħed diżgustanti.  

Jekk għandek xi ritratti jew filmat dwar xi storja li tixtieq li ninvestigaw u nippubblikaw, tista’ tibgħat imejl fuq: info@newsbook.com.mt