​Il-Pulizija tqatta’ sentejn tfittex raġel li diġà kien il-ħabs

Il-Qorti qalet li l-Pulizija damet aktar minn sentejn biex tressaq raġel il-Qorti li kien diġà qed jiskonta sentenza ta’ priġunerija fuq każ ieħor.
Abubakar Ibrahim Jabril ġie akkużat li fil-5 ta’ April tal-2016 weġġa’ lil żewġ uffiċjali tal-Pulizija. Allegatament kkawża ġrieħi ħfief lil wieħed minnhom.
Il-pulizija tal-immigrazzjoni kienu waqqfu lill-imputat fil-Marsa peress li kien jixbah persuna li kienu qegħdin ifittxu.
Waqt l-arrest l-imputat weġġa’ liż-żewg pulizija u allegatament gidem wieħed minnhom. L-imputat qal li rreżista għax ġibdulu xahru u li ma riedx jigdem lill-pulizija, iżda kien il-pulizija li daħħal idejh f’ħalqu.
Il-Qorti qalet li “l-Prosekuzzjoni f’dan il-kaz damet aktar minn sentejn biex iġġib lill-imputat quddiem il-Qorti u għalkemm kien imfittex biex titqassamlu l-akkuża jidher li b’nuqqas ta’ komunikazzjoni ma rriżultalhomx li l-imputat kien qed jiskonta sentenza ta’ priġunerija fuq każ ieħor.“
“Dan il-fatt hu serju ħafna għaliex minħabba f’hekk ħames akkużi huma preskritti għaliex l-imputat kien notifikat bl-akkużi wara li għaddew is-sentejn.”
Ir-raġel instab ħati biss li attakka jew li rreżista bi vjolenza l-pulizija. Ġie kkundannat piena ta’ sena ħabs u multa ta’ €4,000. Il-Qorti ħeġġet lill-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni biex hekk kif l-akkużat joħroġ mill-ħabs jintbagħat lejn art twelidu.
Il-Qorti qalet li l-pulizija jridu jkunu protetti waqt xogħolhom. Qalet li ordni tal-pulizija trid tiġi obduta mil-ewwel. Innutat li qed ikun hemm aktar okkażjonijiet fejn persuni qed jattakkaw fiżikament lill-pulizija.
Il-Qorti qalet ukoll li tinkoraġġixxi lill-uffiċjali tal-pulizija biex jintervjenu kull meta jonqos xi ħadd biex ikun hemm armonija f’Malta.