Il-Pulizija ‘tkisser ċirku’ tad-droga; żagħżugħ arrestat

Read in English.

Il-Pulizija qalet li kissret “ċirku ieħor tat-traffikar tad-droga” wara l-arrest ta’ żagħżugħ ta’ 22 sena.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li l-arrest sar wara diversi jiem ta’ osservazzjoni. Iż-żagħżugħ huwa resident Ħal Tarxien imma għandu garaxx fix-Xgħajra.

Saret tfittxija fil-vettura tiegħu u fil-garaxx. B’kollox instabu diversi pakketti tal-plastik li kien fihom madwar disa’ kilogrammi ta’ ħaxixa tal-kannabis lesta għat-traffikar.

Żagħżugħa ta’ 23 sena minn Bormla qed tinżamm mill-Pulizija biex tgħin fl-investigazzjonijiet.

Skont il-Pulizija, iż-żagħżugħ se jitressaq il-Qorti għada akkużat fost oħrajn bil-pussess mhux għal-użu personali tal-Pjanta Cannabis. Il-Pulizija mhux qed teskludi li tressaq iż-żagħżugħa l-Qorti bl-istess akkużi.