Il-Pulizija tkisser ċirku ta’ ġarr ta’ immigranti illegali

Fil-Greċja l-pulizija arrestat 7 persuni, inkluż bdot ta’ ajruplan u membru tal-ekwipaġġ, wara suspett li huma nvoluti f’ċirku ta’ ġarr ta’ immigranti illegali mill-Greċja lejn pajjiżi oħra tal-UE.
Jidher li l-immigranti, l-iktar mis-Sirja, kienu qed jingħatawlhom passaporti u karti ta’ identità foloz u jittellgħu fuq ajruplani lejn pajjiżi oħra Ewropej, speċjalment lejn il-Ġermanja.
Ta’ dan kienu qed jitolbuhom bejn €3,000 u €4,000 kull wieħed.
Jidher li dan iċ-ċirku ilu jaħdem b’dan il-mod għall-aħħar sena.
Il-moħħ wara dan kollu kien Ċiprijott, li kien ukoll imfittex mill-Pulizija f’pajjiżu. Anke l-bdot arrestat hu minn Ċipru.
Il-persuni l-oħra arrestati jinkludu aġent tal-ivvjaġġar Grieg u ħaddiem Pakistani ta’ aġenzija oħra tal-ivvjaġġar.