Aġġornata: Uffiċjali tas-sigurtà ċċirkundaw raġel ‘suspettuż’ fl-Università

Il-Pulizija qed “tkellem” raġel li allegatament ipprova jiftaħ xi karozzi li kienu pparkjati fil-parkeġġ tal-Università ta’ Malta. Skont kelliem għall-Università, uffiċjali tas-sigurtà ċċirkundaw lir-raġel li kien qed jaġixxi b’mod ‘suspettuż’ sakemm waslu l-pulizija.

Kelliem għall-Pulizija qal ma’ Newsbook.com.mt li l-inċident seħħ għan-12.30 pm. Numru ta’ pulizija mill-RIU marru fuq il-post fejn sabu raġel li jaqbel mad-deskrizzjoni li ngħataw fir-rapport.

Kelliem għall-Università qal li dalgħodu ġiet innutata persuna “li kienet qed tħuf b’mod suspettuż” f’wieħed mill-parkeġġi tal-Università. Il-kelliem qal li sal-ħin tal-pubblikazzjoni tal-artiklu, l-Uffiċċju tal-Precinct tal-Univeristà ma wassallu l-ebda rapport ta’ serq minn xi vetturi li kienu pparkjati f’dan il-parkeġġ.

Il-kelliem għall-Pulizija ma kienx f’pożizzjoni jikkonferma jekk ir-raġel ġiex arrestat jew le.

Skont persuna li tkellmet ma’ Newsbook.com.mt fuq il-post marru mill-inqas żewġ karozzi tal-RIU. Kien hemm numru ta’ pulizija armati fil-parkeġġ.