Il-Pulizija tkellem lil Repubblika dwar il-protesta li jmiss

Miguela Xuereb

Il-Pulizija talbet lil rappreżentanti ta’ Repubblika, #OccupyJustice u manueldelia.com biex jiltaqgħu magħha dwar protesta li se tiġi organizzata l-Ġimgħa.

Fi stqarrija wara l-laqgħa l-organizzaturi tal-protesta li se ssir f’Jum ir-Repubblika qalu li l-partijiet kollha kien sodisfatti. Dan hekk kif il-qbil huwa li l-messaġġ tal-protesta ma jkunx lejn il-forzi tal-ordni iżda lejn il-President u l-Membri Parlamentari. Spjegaw li dan qed isir minħabba li fiċ-ċirkostanzi preżenti l-messaġġ ikun immirat lejn dawk li fi kliemhom “jistgħu joħorġu ‘l-pajjiż mill-għawġ li ġabu fih Joseph Muscat”.

Waqt il-laqgħa l-għaqdiet enfasizzaw li huma qegħdin iħeġġu lill-pubbliku sabiex jipparteċipa b’mod paċifiku fiċ-ċelebrazzjoni pubblika ta’ jum ir-Repubblika fil-Belt Valletta u miegħu jieħu kartelluni u sfafar biex iwassal il-messaġġ tiegħu.

Intqal ukoll li l-uffiċjali preżenti għal-laqgħa fehemu li s-sejħa għal protesta taqa’ fid-dritt tal-espressjoni garantita mil-Liġi.