Il-Pulizija tkellem iktar nies; aktar tfittxijiet

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Korp tal-Pulizija ħabbar li qed tinvestiga kull informazzjoni li ġabret f’dawn l-aħħar jiem b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fi stqarrija, il-Korp qal li twettqu u qed jitwettqu aktar tfittxijiet f’diversi postijiet, u qed ikellem għadd ta’ persuni oħra relatati mal-każ. Madanakollu, il-Korp ma tax dettalji u lanqas ikkonferma jekk din l-azzjoni tteħditx wara x-xhieda xokkanti u intensiva li ta Melvin Theuma fil-Qorti.

Theuma qed jitqies bħala s-sensar fl-assassinju. Hu semma diversi persuni li qatt ma kienu ssemmew qabel, fosthom, Sandro Craus, Johann Cremona u Kenneth Camilleri, li għandhom rabtiet ma’ Kastilja.

Fl-istess stqarrija, il-Pulizija spjegat li għalkemm diġà tressqu l-Qorti erba’ persuni b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, l-investigazzjonijiet dwar il-każ għadhom għaddejjin b’mod intensiv. Fissret li l-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Iskwadra tal-Omiċidji, l-Iskwadra ta’ kontra r-Reati Ekonomiċi u bil-kollaborazzjoni attiva tal-Europol. “L-investigazzjonijiet kollha qed isiru taħt il-kappa tal-Inkjesta Maġisterjali”, tkompli tgħid l-istqarrija maħruġa mill-Korp il-Ġimgħa filgħodu.

Ittemm tgħid li minħabba s-sensittività tal-investigazzjonijiet, f’dan l-istadju l-Pulizija mhix f’pożizzjoni li tagħti aktar dettalji, li jistgħu jippreġudikaw il-każ.