Attakk terroristiku f’Londra: l-aggressur jinqatel; 3 midruba

Aġġornat 07:07 AM
REUTERS/Simon Dawson

Read in English.

Il-Pulizija sparat u qatlet raġel li wettaq attakk terroristiku fi triq fin-Nofsinhar ta’ Londra llum. Hu darab tliet persuni, waħda minnhom hija midruba b’mod kritiku.

Xi xhieda qalu li r-raġel kien armat b’sikkina kbira (machete). Il-Pulizija qalet li r-raġel li sparaw fuqu huma ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post. Intant, is-servizz tal-ambulanza f‘Londra qal li tliet persuni ndarbu u ttieħdu immedjatament l-isptar wara l-attakk fi Streatham. Mhux ċar jekk dawn il-persuni kollha sofrewx daqqiet ta’ sikkina.

Il-Pulizija għalqet it-triq fejn seħħ l-inċident sakemm tkompli l-investigazzjonijiet tagħha. Fuq Twitter, iddikjarat li dan kien attakk terroristiku li ħalla persuna tissielet għal ħajjitha.

Skont sorsi fis-servizzi tas-sigurtà tal-pajjiż li tkellmu ma’ Reuters, l-inċident kien relatat ma’ militanti Iżlamisti. Sors ieħor qal li qed jiġi trattat bħala attakk terroristiku peress li r-raġel kien liebes splussivi foloz. Il-Pulizija għadha qed tipprova tiskopri jekk ir-raġel kienx qed jiġi sorveljat mis-servizzi sigrieti.

Il-ġurnal Sky News ikkwota student ta’ 19-il sena jgħid li kien xhud tal-inċident. Spjega li hu kien qed jaqsam it-triq meta raġel armat b’sikkina kbira u kaxxi tal-fidda fuq sidru kien qed jiġi segwit mill-Pulizija li kienu pajżana. Qal li sa fejn jaf hu sema’ tliet tiri.

Il-Prim Ministru Boris Johnson fuq Twitter irringrazzja lis-servizzi tal-emerġenza talli rrispondew b’mod immedjat.