Il-Pulizija tinvestiga xogħol illegali f’Marsalforn

Daniel Cordina

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) qalet li sar rapport mal-Pulizija biex tinvestiga xogħol illegali ta’ kostruzzjoni f’Marsalforn.

Fil-11 ta’ Awwissu, kien qed isir xogħol mingħajr l-approvazzjoni tal-awtoritajiet ħdejn il-baħar f’Marsalforn skont kelliem għall-Ministeru għal Għawdex, liema xogħol ġie mqabbad biex isir mill-Ministeru stess skont Viċi-Sindku.

Ma’ Newsbook.com.mt l-ERA qalet li investigat l-allegat inċident, u s’issa jirriżulta li x-xogħlijiet ma sarux minn entità governattiva u l-anqas bis-saħħa ta’ xi permess maħruġ minn xi entità governattiva.

Ingħad li l-allegat xogħol bla permess f’Marsalforn li ġie rrapurtat sar minn individwu li ried jagħmel baga fil-baħar u skont sorsi infurmati għamel dan ix-xogħol mingħajr permess.

Skont l-ERA, “xogħol ta’ kostruzzjoni f’baħar li jkun dikjarat bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni, bħal ma hija din, jirrikjedi permess speċifiku maħruġ mill-Awtorità. Tali permess normalment ikun maħruġ b’ċerti kundizzjonijiet sabiex jiġi żgurat li ma ssirx ħsara lill-ambjent naturali tal-baħar. Dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jkunu limitazzjonijiet dwar il-ħin u ż-żmien meta jkun jista’ jsir l-operat, iż-żoni fejn jista’ jsir l-operat, il-metodoloġija ta’ l-interventi, u obbligazzjonijiet oħra sabiex jimmitigaw impatti negattivi ambjentali.”

Skont l-ERA, matul dan is-sajf, kien hemm tliet okkażżjonijiet li fihom waqqfet rimi fil-baħar ta’ materjal tal-kostruzzjoni bla permess jew bi ksur ta’ kundizzjonijiet ta’ permess maħruġ.