Il-Pulizija tinvestiga kif dettalji ta’ eluf ta’ Maltin spiċċaw online

Read in English.

Il-Pulizija qed tinvestiga l-każ li fih ġew żvelati dettalji personali ta’ eluf ta’ Maltin online fuq is-sit ta’ C-Planet IT Solutions Ltd.

Kelliem għall-Pulizja qal lil Newsbook.com.mt li rċeviet rapport dwar il-każ matul il-lejl tal-31 ta’ Marzu u l-1 ta’ April.

“Bħalissa għaddejjin l-investigazzjonijiet, bl-assistenza tac-Cyber Crime Unit,” qal il-kelliem.

Newsbook.com.mt staqsa wkoll jekk ġewx interrogati nies b’rabta mal-każ u jekk kienx hemm arresti. Però, il-Pulizija ma qalitx jekk kienx hemm interrogazzjonijiet jew arresti.

Il-kumpanija C-Planet IT Solutions Ltd hija ta’ Philip Farrugia, li kien direttur tal-produzzjoni ta’ ONE Productions (il-midja tal-Partit Laburista). Farrugia huwa miżżewweġ lil Alexia Zrinzo Azzopardi li hija oħt is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi, u partner fid-ditta legali SZA. SZA bidlet isimha għal 360 Legal Malta.

C-Planet IT Solutions Ltd qed tiġi wkoll investigata dwar allegat ksur tar-regoli tal-protezzjoni tad-data mill-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data.

Is-sit tal-kumpanija https://cplanetmalta.com/ ma kienx aċċessibli dalgħodu.

Id-Deputat Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data Ian Deguara qal lit-Times of Malta li saru jafu dwar dan il-“personal data breach” minn rapporti tal-midja.

Avukat li tkellem mas-sit The Shift qal li l-argument li l-informazzjoni li ġiet żevalta kienet “antika” kien irrelevanti. Il-liġi tal-GDPR tgħid li informazzjoni m’għandhiex tinżamm aktar milli jkun hemm bżonn. Ġie rrappurtat li l-informazzjoni li ġiet żvelata tmur lura għall-elezzjoni tal-2013.

Ilbieraħ il-Partit Laburista qal fi stqarrija li s-sistema tal-IT msemmija mhix l-istess sistema li għandu l-Partit Laburista. Il-PL qal li għandu s-sistema tiegħu li hija kkontrollata b’mod intern u l-kumpanija kif ukoll id-Direttur imsemmija qatt ma kellhom konnessjoni mal-istess sistema.

Informazzjoni sensittiva ta’ ditta legali mxerrda online

Informazzjoni dwar votanti ma kinitx l-unika informazzjoni li ħarġet online minn sistema operata minn C-Planet IT Solutions. Id-database ta’ klijent ieħor “sodisfatt,” tad-ditta legali SZA, li wieħed mill-partners tagħha kien is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qabel ma ħa din il-kariga, instabet online wkoll.

Wara l-ħatra ta’ Zrinzo Azzopardi, id-ditta biddlet isimha għal 360 Legal Malta.

Il-listi tal-klijenti u tal-kontijiet pendenti rahom Newsbook.com.mt. Il-lista tal-kontijiet li SZA bagħtet lill-klijenti tmur lura sat-3 ta’ Frar tal-2014 u tibqa’ sejra sal-1 t’April tal-2020.