Il-Pulizija tinvestiga l-każ tal-filmat b’lingwaġġ vulgari lejn għalliema

Reġa' beda jdur wara erba' snin

Il-Pulizija qalet li qed tinvestiga filmat b’lingwaġġ vulgari lejn għalliema li ilu erba’ snin iżda li reġa’ beda jiċċirkola fl-aħħar jiem.

Bi tweġiba għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, il-Pulizija qalet li tlett ijiem ilu, dan il-filmat tpoġġa fuq l-app TikTok u reġa’ beda jdur fuq il-midja soċjali.

Iż-żagħżugħ li jidher fil-filmat stess għamel rapport lill-Pulizija dwar dan, peress li l-filmat tpoġġa fuq l-app meta kien inġibed erba’ snin ilu. Dak iż-żmien li kien ixxandar, il-Pulizija kienet kellmet liż-żagħżugħ u dan kien skuża ruħu lejn l-għalliema li kien qed jitkellem dwarha.

Il-Pulizija qalet li qed tinvestiga l-każ.

Kelliem għall-Ministeru għall-Edukazzjoni qal lil Newsbook.com.mt li “wara li jsiru l-aċċertamenti meħtieġa jittieħdu l-passi neċessarji skont il-proċedura f’dawn il-każijiet biex dejjem titħares l-etika tal-professjoni.”