Il-Pulizija tinvestiga allegat ħtif ta’ tifel ta’ 3 snin

Il-Pulizija qed tinvestiga każ ta’ allegat ħtif ta’ tifel ta’ tliet snin u nofs.
Ma’ Newsbook.com.mt, kelliem għall-Pulizija kkonferma li sar rapport dwar ħtif ta’ tifel minn ommu u s-sieħeb il-ġdid tagħha, liema allegat ħtif seħħ fil-21 ta’ Diċembru li għadda. Kompla jgħid li f’dan l-istadju, xogħol il-Pulizija hu li tikkonferma  li l-omm u l-wild jinsabu f’saħħithom.
Kien missier it-tifel, John, li bħall-bieraħ ġimgħa talab għall-għajnuna fuq Facebook.

Irrakkonta kif sitt snin ilu ġie jgħix Malta mir-Renju Unit, fejn ftit wara lltaqa’ ma’ mara, li magħha kellu lil dan it-tifel. Spjega kif spiċċaw isseparaw, imma l-kustodja tat-tifel kienet għadha tagħhom it-tnejn.
Il-missier jgħid li fil-21 ta’ Diċembru, l-ekssieħba tiegħu u s-sieħeb il-ġdid tagħha, li hu Serb ħatfu lil ibnu.  Qal li la hu u lanqas il-familja tagħha ma ġew infurmati. Spjega kif fl-aħħar korrispondenza tagħha, ikkonfermat li mhix se tirritorna Malta u li l-aħħar indikazzjoni li kellhom kienet li kienu qegħdin Spanja.
John semma kif ipprova jċemplilhom u jibgħatilhom messaġġi u imejls, u li minn dakinhar għalqu l-Facebook tagħhom u hi anke neħħiet is-sim card tal-mowbajl.  
B’ton frustrat, John jitlob bil-ħniena għall-għajnuna biex isib lil ibnu, li huwa “l-uniku raġuni” li baqa’ Malta.
Mal-messaġġ li kiteb fuq Facebook, li issa m’għadux onlajn, John ippubblika r-ritratti ta’ ibnu, tal-ekssieħba tiegħu u s-Serb is-sieħeb il-ġdid tagħha.