Il-Pulizija tintervjeni fl-inkwiet bejn il-partitarji ta’ City u United

Il-Pulizija Ingliża qalet li qed taħdem ma’ Manchester City biex tidentifika lil kulmin kien involut fl-inkwiet li nqala’  waqt is-semi-finali tal-EFL Cup kontra Manchester United ġewwa l-Etihad Stadium.

S’issa ġie arrestat raġel ta’ 43 sena li hu ssuspettat li daħħal flare miegħu.

United rebħu t-tieni leg bl-iskor ta’ 1-0, iżda City avvanzaw għall-finali bl-aggregate ta’ 3-2.

City qed jiċċekkjaw il-kameras tas-sigurtà wara li xi partitarji nqabdu jagħmlu sinjali b’refernza għall-inċident fi Munich lura fl-1958, meta l-ajruplan bit-tim ta’ United waqa’. Fost it-23 persuna li kienu mietu fl-inċident, kien hemm tmien plejers ta’ United.

Wara l-logħba, il-partitarji li huma rivali sew ta’ xulxin, dehru jwaddbu anka s-siġġijiet lejn xulxin. Kemm Pep Guardiola kif ukoll Ole Gunnar Solskjaer ikkundannaw l-għaġir tal-partitarji.