Il-Pulizija tintalab tinvestiga lis-CEO ta’ Infrastructure Malta fuq ix-xogħlijiet f’Wied Qirda

Read in English.

Il-kandidat indipendenti Arnold Cassola talab lill-Pulizija tinvestiga lill-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Frederick Azzopardi, għall-ksur ta’ liġijet ambjentali.

Fi stqarrija, Cassola qal li l-ilment tiegħu jirreferi għal xogħlijiet mhux awtorizzati li qegħdin isiru minn Infrastructure Malta f’Wied Qirda. Skont Cassola, il-passaġġ fil-wied twessa’ u sarlu t-tarmak, it-topografija tal-wied inbidlet u strutturi ikbar tqiegħdu fuq l-iżjed parti fonda tal-wied.

Cassola spjega li dan kollu sar mingħajr permess u mingħajr method statement approvat. Żied jgħid li f’Novembru li għadda, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ħarġet ordni biex jitwaqqfu x-xogħlijiet, iżda dawn tkomplew, u issa Infrastructure Malta qiegħda tappella dik l-ordni tal-ERA.

Huwa sostna li dawn l-azzjonijiet jiksru l-Att tal-Protezzjoni tal-Ambjent. “Huwa ċar li hemm arja ta’ impunità fir-rigward ta’ atti kriminali ambjentali. Mhuwiex konċepibbli li uffiċjal pubbliku bħal Frederick Azzopardi jista’ jawtorizza xogħlijiet ġo wied protett li hu Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni mingħajr il-permessi meħtieġa mingħand l-ERA. Din hi l-liġi tal-bulldozer.” Cassola temm jgħid li Azzopardi missu jintalab iħallas għall-ħsara li saret hu stess, u mhux jistenna li dak li jħallas it-taxxa jħallas għal dan l-“attakk ambjentali.”