Aġġornata: Il-Pulizija tiġbor 700 għasfur protett mejjet; 7 persuni arrestati

Read in English.

Il-Pulizija ġabret mas-700 għasfur protett mejjet, fosthom pellikani u fjamingi, minn diversi lokalitajiet f’Malta.

Fi stqarrija ġie spjegat li lbieraħ il-membri mit-taqsima tal-Administrative Law Enforcement flimkien ma’ uffiċjali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) wettqu diversi spezzjonijiet ġewwa diversi lokalitajiet madwar Malta, fosthom Ħal Kirkop, il-Gudja u Ħal Safi.

Waqt dawn l-ispezzjonijiet instabu mijiet ta’ għasafar protetti allegatament importati illegalment lejn Malta. Total ta’ 660 minn dawn l-għasafar instabu ġewwa razzett f’Ħal Safi.

L-għasafar li nstabu jinkludu pellikani, fjamingi, ċikonji u ajkli. Minn investigazzjonijiet ulterjuri illi saru, irriżulta li allegatament dawn l-għasafar ġew importati illegalment lejn Malta mis-Sudan u mill-Eġittu sabiex jinbiegħu Malta.

Seba’ persuni fosthom mara ġew miżmuma mill-Pulizija għal iktar stħarriġ.

Fi stqarrija l-ERA spjegat li minn investigazzjonijiet preliminari nstab li l-għasafar kienu ddaħħlu b’mod illegali f’Malta. Qalet li din kienet l-ikbar sejba ta’ għasafar mejta għall-pajjiż fl-aħħar sitt snin.

Ir-rejds saru fi tliet residenzi u f’farmhouse. Mir-residenzi, il-Pulizija assistew lill-ERA tiġbor numru ta’ għasafar ibbalzmati mir-residenzi. Intant fir-razzett l-għasafar instabu fil-freezer. L-ERA qalet li l-għasafar kienu jidhru lesti sabiex jiġu bbalzmati u li l-prezz tagħhom kien jitla’ għal eluf kbar ta’ Ewro.