Il-Pulizija tieħu passi dwar rimi ta’ skart fl-Imtaħleb

Read in English.

Il-Pulizija kkonfermat rapport li deher fuq Newsbook.com.mt li kien juri r-rimi ta’ skart tal-kostruzzjoni f’għalqa fl-Imtaħleb, fil-limiti tar-Rabat. Ir-rimi illegali sar fit-13 ta’ April, 2020 minn trakk kbir tal-kuntratturi Bonnici Brothers bin-numru BBG003. Flimkien mat-trakk kien hemm gaffa li llivvellat il-materjal mormi.

Dakinhar stess kien sar rapport fl-Għassa tar-Rabat fejn anke kien muri lill-Pulizija filmat tat-trakk ta’ Bonnici Brothers. Fuq il-websajt tagħhom Bonnici Brothers jiftaħru li huma jaħdmu biex iservu l-komunità, itejbu l-ħajja taċ-ċittadini, jippromovu s-sostenibiltà u jippromovu soluzzjonijiet favur l-ambjent.

Se jibdew il-multi

Il-Pulizija infurmat lil Newsbook.com.mt li kif daħlilha r-rapport bdiet tinvestiga u anke marret fuq il-post fejn sabet li ntefgħet ħamrija mħallta ma’ skart tal-kostruzzjoni. Sussegwentament, il-Pulizija bagħtet u tkellmet ma’ sid l-għalqa u ma’ min kien qed jitfa’ l-materjal fl-għalqa. Il-Pulizija infurmawna li kkomunikaw ukoll mal-Awtorità tal-Ippjanar, li min-naħa tagħha infurmat lill-Pulizija li sid l-għalqa ma kellux il-permessi neċessarji sabiex isir xi xogħol fl-għelieqi tiegħu. L-Awtorità tal-Ippjanar ikkonfermat li qegħdin jinħarġu multi kuljum lil sid l-għalqa sakemm inaddaf dak li ntefa’. Il-każ jinsab f’idejn l-Awtorità tal-Ippjanar.

Skont avviż imwaħħal mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi  ma’ ħajt tal-propjetà fejn sar ir-rimi illegali, il-multi jibdew wara li jgħaddu 15-il ġurnata. Wara dakinhar u sa 50 ġurnata l-multi jkunu ta’ €15 kuljum. Dawn jitilgħu għal €35 kuljum sal-180 ġurnata u jibqgħu telgħin jekk l-illegalità tibqa’.

Is-sorsi li tkellmu magħna qalulna li sal-lum ir-rimi illegali ma baqax isir.

X’kien ġara f’Ta’ Qali

Meta kien sar ir-rimi illegali ta’ skart tal-kostruzzjoni f’Ta’ Qali f’Novembru 2018, karrozza tal-Pulizija kienet waqqfet trakk li kien parti minn din l-operazzjoni. Il-Pulizija kienet ċaħdu dan minkejja li żewġ ġurnalisti ta’ Newsbook.com.mt kienu xhieda ta’ dak li sar.

Newsbook.com.mt dakinhar kien anke kiteb lil Bonnici Brothers jekk it-tliet trakkijiet, gaffa u karrozza tal-foreman li kienu daħlu Ta’ Qali minn naħa tal-istejġ tal-karrozzi ‘Venture” kinux tagħhom. Bonnici Brothers kienu wieġbu li ma jafu bl-ebda attività illegali li kienet saret.