Il-Pulizija tiċħad li ordnat li jitneħħa l-filmat tat-TikTok

Il-Pulizija ċaħdet li ordnat lil xi ħadd, ħlief lill-kuntistabbli in kwistjoni, biex jitneħħa filmat ta’ pulizija tiżfen mill-midja soċjali.

The Mystery of the Vanishing Video

We keep seeing this video mysteriously disappear from other pages and groups. Hopefully it'll have a secure home here.

Posted by Bis-Serjetà on Tuesday, May 26, 2020

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li tiċħad li “ngħatat ordni lil xi uffiċjal tal-pulizija biex jagħmel kuntatt ma’ persuna jew persuni li jmexxu paġna fuq il-midja soċjali biex ineħħu l-filmat ta’ kuntistabbli fuq TikTok.”

Ilbieraħ żagħżugħ li jmexxi grupp fuq Facebook qal lit-Times of Malta li ġie mhedded minn uffiċjal tal-pulizija li tittieħed azzjoni kontrih jekk ma jneħħix il-filmat tal-pulizija li ġibdet filmat tagħha tiżfen bl-uniformi.

Fl-istqarrija tagħha tal-lum, il-Pulizija qalet li l-filmat “ttella’ fuq il-midja soċjali tal-kuntistabbli mill-istess kuntistabbli, nhar is-Sibt 23 ta’ Mejju, 2020.”

Proċeduri kontra l-pulizija tat-TikTok

Intant bdew proċeduri kontra l-kuntistabbli tal-pulizija.

“Malli l-Amministrazzjoni tal-Korp saret taf bil-filmat dakinhar stess, il-kuntistabbli ġiet ordnata tneħħi l-filmat li poġġiet, waqt li immedjatament bdiet investigazzjoni min-naħa tat-Taqsima tal-Affarijiet Interni tal-Korp tal-Pulizija. Fl-istess waqt bdew ukoll proċeduri dixxipplinarji fil-konfront tal-Pulizija,” qal il-Korp.

Investigazzjoni oħra dwar allegat theddid

Il-Korp tal-Pulizija qal li m’għamilx kuntatt jew ta’ ordni lil xi ħadd ieħor, ħlief lill-kuntistabbli, biex jitneħħa l-filmat minn kwalunkwe midja soċjali.

“Għaldaqstant bdiet investigazzjoni f’dan ir-rigward. Jekk mill-investigazzjonijiet jirriżulta li xi uffiċjal tal-pulizija abbuża mill-pożizzjoni tiegħu u għamel kuntatt ma’ persuna jew persuni biex ineħħu l-filmat, se jittieħdu passi kontrih,” qal il-Korp.

Bżonn aktar trasparenza; imma ma rridx inkisser ħajjiet – amministratur

Wieħed mill-amministraturi tal-grupp ta’ Facebook li wassal għall-fama tal-filmat qal li hemm bżonn aktar trasparenza dwar ċertu telefonati li jsiru. Però, qal li ma jrid ikisser l-ebda ħajja.

Fuq Facebook Neil Buhagiar qal li mhux se jkun qed jieħu l-każ il-Qorti. Qal ukoll li ma jrid lil ħadd jitlef ix-xogħol tiegħu fuq deċiżjoni li ttieħdet ta’ malajr fi stat ta’ paniku.