Il-Pulizija tiċħad li kienet taf dwar bombi moħbija f’garaxx

Il-Pulizija qalet li Jason Galea qatt m’għaddielha l-informazzjoni li kien hemm bombi moħbija fil-garaxx ta’ Matthew Zahra u li setgħu intużaw biex inqatlet Daphne Caruana Galizia.
Il-Korp tal-Pulizija kien qed jirreaġixxi għal dak li qalu xi mezzi tal-midja lokali, li rrappurtaw li fil-Qorti Galea, wieħed mill-akkużati, qal li nstabu xi splussivi neqsin mill-garaxx tal-vittma, Matthew Zahra.
Galea qal li l-Pulizija kienu infurmati li kien hemm bombi miżmuma f’garaxx, u filwaqt li staqsa kienx hemm investigazzjoni dwar dan, irrimarka li issa l-bombi ħadd ma jaf fejnhom.
Fl-istess ħin irrefera għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia meta qal li kulħadd jaf x’ġara t-Tnejn.
Zahra kien instab mejjet f’għalqa, flimkien mal-iġsma ta’ Mario Camilleri mlaqqam “l-Imnieħru” u ibnu, Mario Camilleri Jr. f’Lulju ta’ 4 snin ilu.
Fil-Qorti lbieraħ Galea żied li “l-Imnieħru” kien qed iżomm dawn it-tliet bombi fil-garaxx ta’ Zahra.
L-akkużat kompla jgħid li kien mar il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija biex jitkellem mal-Ispettur involut, iżda kienu bagħtuh għand ħaddieħor u spiċċa ma kellmu ħadd.
Ritratt: Ian Noel Pace: Il-vettura ta Daphna Caruana Galizia ftit wara l-isplużjoni