Il-Pulizija tħarrek aktar minn 200 persuna f’Jannar

Il-Pulizija tad-Distrett ħarrku aktar minn 200 persuna bejn l-1 ta’ Jannar u l-lejl li għadda, fosthom minħabba tipjip, xorb, mużika b’volum għoli, u ksur tal-liġi tat-triq.

Fi stqarrija ġie spjegat li l-Pulizija jwettqu diversi spezzjonijiet fi stabbilimenti u fit-toroq. Dan sabiex jassiguraw li tinżamm l-ordni u ma jitwettqux illegalitajiet. Intqal li dawn l-ispezzjonijiet isiru fi stabbilimenti tax-xorb, każini u anki ristoranti. Huma jirrigwardaw tipjip, ħinijiet tal-għeluq, mużika b’volum għoli, xorb f’kontenituri tal-ħġieġ u minuri li jkunu qed jixorbu xorb alkoħoliku.

Bejn l-1 ta’ Jannar 2020 u l-lejl illi għadda (26/27 ta’ Jannar 2020), il-Pulizija wettqet mat-80 spezzjoni, f’diversi stabbilimenti madwar Malta u Għawdex.

Il-Pulizija spjegat li b’kollox tħarrku mal-100 persuna li nqabdu jpejpu fl-istabbilimenti. Madwar 50 persuna oħra ġew imħarrka wara li nqabdu jixorbu minn kontenituri tal-ħġieġ fit-triq. Numru ta’ taħrikiet oħra nħarġu fil-konfront tas-sidien tal-istabbiliment wara li nqabdu jdoqqu mużika b’volum għoli wara l-ħin stabbilit bil-permess. Intant, persuni oħrajn ġew imħarrka wara li nqabdu jarmu affarijiet fl-art (litter act). Inħarġu mas-70 taħrika minħabba kontravenzjonijiet tat-traffiku.

L-ispezzjonijiet tal-Pulizija saru f’diversi lokalitajiet, fosthom fil-Birgu, f’Birżebbuġa, f’Bormla, fil-Ħamrun, f’Ħal Luqa, fl-Isla, fil-Kalkara, fil-Marsa, f’Ħal Qormi, fir-Rabat, f’San Ġiljan u f’Paċeville, f’Tas-Sliema, fil-Belt Valletta, f’Ħaż-Żabbar u f’Ħaż-Żebbuġ. Saru wkoll spezzjonijiet fi stabbilimenti f’Għajnsielem u fir-Rabat Għawdex.