Il-Pulizija tħarrek 87 sewwieq; wieħed minnhom saq b’193km fis-siegħa

Read in English.

Il-Pulizija ħarrket 87 sewwieq tul il-ġurnata tal-Ħadd hekk kif saru diversi kontrolli għas-sewqan eċċessiv jew ksur tar-regolamenti oħra tat-traffiku. Il-kontrolli saru tul Triq il-Kosta, fis-Salini u f’Baħar iċ-Ċagħaq u fil-Mellieħa.

Waqt il-kontrolli, il-Pulizija waqfet vettura tal-għamla Mitsubishi Lancer Evolution li nqabdet tinstaq b’veloċita ta’ 193 kilometru fis-siegħa. Din il-vettura kienet qiegħda tinstaq fi Triq il-Kosta, fl-akwati ta’ Baħar iċ-Ċagħaq fejn hemmhekk il-veloċità massima hija ta’ 70 kilometru fis-siegħa.

Dan is-sewwieq kien fost 74 sewwieqa li matul in-nofsinhar ta’ dalgħodu nqabdu jsuqu b’veloċità iktar milli tippermetti l-liġi f’diversi toroq arterjali.

13-il sewwieq ieħor twaqqfu u ngħataw taħrika minħabba ksur ta’ regolamenti oħra tat-traffiku, li jinkludu 9 għal vetturi li ma kellhomx numru tar-reġistrazzjoni fuq quddiem; 2 vetturi li kellhom it-tinted glass, u żewġ vetturi oħra minħabba li s-sewwieq ma obdiex regolamenti tat-traffiku. Fost dawn kien hemm ukoll sewwieq li ġie arrestat wara li nqabad fil-pussess tad-droga.

Waqt il-kontroll li sar fi Triq il-Kosta, fl-akwati ta’ Baħar iċ-Ċagħaq b’kollox inħarġu 16-il taħrika, fosthom is-sewwieq li nqabad isuq b’193 kilometru fis-siegħa.

Kontroll ieħor sar fi Triq il-Kosta, fl-akwati tas-Salini, fejn hemmhekk il-Pulizija ħarġu 8 taħrikiet għal sewqan eċċessiv.

Kontroll ieħor sar fi Triq Louis Wettinger, fil-Mellieħa (magħrufa bħala l-Bypass tal-Mellieħa). Hawnhekk inħarġu 50 taħrika għal sewqan eċċessiv.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn