Il-Pulizija tgħid tagħha dwar l-immigrant li weġġa’ waqt rejd fil-Marsa

Il-Pulizija kkonfermat informazzjoni mogħtija lil Newsbook.com.mt minn sorsi li kienu fuq il-post dwar immigrant li weġġa’ meta ħarab mill-Pulizija li kienu qegħdin iwettqu rejd fil-Marsa. Il-każ ġara fit-13 ta’ Marzu.

Fit-tweġiba tal-Pulizija għall-mistoqsijiet ta’ din il-kamra tal-aħbarijiet, huma spjegaw li dakinhar, membri mill-Iskwadra tal-Immigrazzjoni, assistiti mir-Rapid Intervention Unit, kienu qed jagħmlu spezzjonijiet fil-Marsa sabiex jivverifikaw jekk l-immigranti kinux qegħdin Malta b’mod legali. Waqt dawn l-ispezzjonijiet, żewġ persuni telqu jiġru fi Triq is-Salib tal-Marsa lejn il-knisja.

Rejd tal-Pulizija fil-Marsa; immigrant iweġġa’ gravi – sorsi

Il-Pulizija qalet li uffiċjali tagħha ġrew wara ż-żewġ immigranti tul telgħa, meta f’daqqa waħda wieħed minn dawn iż-żewġ persuni qabeż għal isfel.

Hawn il-Pulizija talbet l-assistenza ta’ tim mediku, u l-immigrant ittieħed l-Isptar Mater Dei, fejn huwa sofra minn xi ġrieħi. Madankollu, il-Pulizija ma speċifikatx x’kien il-livell ta’ ġrieħi li sofra minnhom ir-raġel.