Il-Pulizija tgħid li ħarrket 12-il kaċċatur

birdlife-watch-illegal-hunting-kacca-23
Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Pulizija qalet li fil-ġimgħat li għaddew ħarrket 12-il kaċċatur permezz ta’ 13-il taħrika differenti. Fi stqarrija l-Pulizija qalu li kaċċatur minnhom intlemaħ jikser il-liġi f’żewġ okkażjonijiet differenti. Minbarra dawn il-każijiet, ġie mħarrek ukoll persuna għax inqabad jonsob.

Dawn huma uħud mit-tipi ta’ offiżi li ġew imħarrka għaluhom il-kaċċaturi:

  • Kaċċa mingħajr liċenzja valida tal-kaċċa tar-Rebbiegħa;
  • Kaċċa fuq gamiem;
  • Kaċċa wara l-ħinijiet stabbiliti bil-liġi;
  • Ikkaċjar b’liċenzja sospiża u
  • kaċċa meta l-istaġun kien magħluq

Fl-istqarrija ntqal li l-Pulizija mis-Sezzjoni tal-Infurzar tal-Liġi Amministrattiva, magħrufa bħala ALE, wettqet ġimgħat ta’ infurzar waqt l-istaġun tal-kaċċa fir-Rebbiegħa għas-Summien, li għalaq fl-aħħar ta’ April. B’kollox, fil-perjodu ta’ dan l-istaġun, mal-50 Pulizija wettqu 2,241 spezzjoni f’diversi lokalitajiet madwar Malta għall-kaċċa llegali. Intqal ukoll li t-taħrikiet li nħarġu mill-Pulizija huwa iktar min-numru li nħarġu fis-sentejn ta’ qabel flimkien.

Mhux eskluż li l-Pulizija qed jinvestigaw il-każ ta’ tifla li tħalliet taqbad senter tal-kaċċa fiż-żona tal-Miżieb. Dan hekk kif il-Pulizija qalu fl-istqarrija li rċievew ukoll diversi rapport minn NGO’s li qegħdin jiġu investigati.

Matul l-istaġun tal-Kaċċa tar-Rebbiegħa ta’ din is-sena, il-Pulizija kkonfiskaw 13-il senter tal-kaċċa, xbieki għall-insib, u anke birdcallers.

Fost l-arresti li saru b’rabta ma’ kaċċa llegali, fit-23 ta’ April, 2020, il-Pulizija tal-ALE, assistiti mill-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit żammew raġel ta’ 32 sena, wara rapport li fl-inħawi taż-Żebbiegħ, fl-Imġarr, ġew sparati tiri immirati lejn ċikonja sewda, li hija tajra protetta. Waqt l-arrest tiegħu, fil-karozza, instabet arma tan-nar immodifikata, li kienet ikkargata u moħbija f’kompartament wara s-seat. Ir-raġel tressaq il-Qorti l-għada.

Waqt dawn l-ispezzjonijiet, il-Pulizija kienu assistiti minn membri tal-Forzi Armati ta’ Malta.