Il-pulizija tgħid li ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Belt ma damux aktar mis-1am

Il-pulizija qalet ma’ Newsbook.com.mt li nhar il-Ħamis li għadda ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Valletta FC fit-toroq tal-Belt Valletta baqgħu għaddejjin sa nofsillejl. Spjegat li f’dan il-ħin kull tip ta’ mużika amplifikata li kienet qed takkumpanja dawn iċ-ċelebrazzjonijiet fuq barra ġiet imwaqqfa.
Fil-jiem li għaddew residenta mill-Belt irrakkuntat ma’ Newsbook.com.mt li wara r-rebħa riċenti tat-tim Belti, bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa, “il-mużika baqgħet tindaqq sat-3am, filwaqt li ċ-ċelebrazzjonijiet baqgħu għaddejjin sal-5am bi storbju u tkissir ta’ fliexken matul il-lejl.
Min-naħa tagħha l-pulizija qalet ukoll li l-attività fil-każin ta’ Valletta FC li għadda waqfu ftit wara s-siegħa ta’ filgħodu. Dan wara li uffiċjali tal-pulizija kellmu lid-diriġenti tal-każin u l-barman biex l-attività fil-bar ma toħloqx inkonvenjent lir-residenti.  
Ir-residenta qalet li damet iċċempel l-għassa tal-pulizija tal-Belt Valletta mill-11pm sal-5am u li t-tweġibiet li rċeviet kienu li l-pulizija qalulha li ma jistgħu jagħmlu xejn għax ghandu l-permess, li diġà marru fuq il-post jew li għad iridu jmorru. Żiedet tgħid li minkejja dawn l-interventi, l-istorbju baqa’ għaddej.
Il-pulizija sostniet li matul il-lejla kollha kien hemm il-preżenza tagħha sabiex tikkontrolla xi sitwazzjonijiet li setgħu jinqalgħu.