Il-Pulizija tfittex is-sid ta’ art mimlija karozzi abbandunati fil-Qawra

Karozzi abbandunati parkeġġ Qawra jitneħħew

Il-Pulizija bħalissa qed tagħmel stħarriġ sabiex jiġi identifikat is-sid ta’ medda ta’ art li tinsab fil-Qawra li mtliet b’karozzi abbandunati.

Is-sena li għaddiet, Newsbook.com.mt kien irrapporta dwar l-istess għalqa wara li tkellem ma’ residenti li spjegaw li karozzi kien ilhom abbandunati għal aktar minn sena u nofs f’għalqa li tintuża bħala parkeġġ viċin Triq J Quintinus. Newsbook.com.mt kien għamel kuntatt mal-Pulizija li kienu waħħlu avviżi ta’ tneħħija fuq il-bibien tal-karozzi.

Aqra: Karozzi abbandunati f’parkeġġ; avviż biex jitneħħew

Riċentament, Newsbook.com.mt reġa’ tkellem mal-Pulizija dwar il-każ li spjegaw li minn investigazzjonijiet ulterjuri li saru irriżulta li l-art li qed tintuża bħala parkeġġ hija art privata. Għaldaqstant il-Pulizija ma tistax tieħu l-azzjoni meħtieġa mingħajr ma jkun magħruf u mitkellem is-sid.

Intant, residenti reġgħu tkellmu ma’ Newsbook.com.mt u spjegaw li bħalissa hemm madwar tmien karozzi abbandunati fil-parkeġġ. Ir-resident spjegaw li l-karozzi ġew żarmati, insterqulhom il-pjanċi u saħansitra qed jintużaw mit-tfal sabiex joqgħodu jilgħabu fihom. Ġie spjegat li hemm karozzi minnhom ilhom hemm sentejn u nofs tant li qed jikber il-ħaxix għoli madwarhom.