Għexieren ta’ persuni f’party f’Tas-Sliema jinfirxu malli raw il-pulizija

Aġġornat 04:28 PM

Il-preżenza tal-Pulizija f’Tas-Sliema wasslet biex infirex grupp ta’ persuni li nġabru fuq bankina quddiem l-istabbiliment ta’ Surfside f’Tas-Sliema.

Kelliem għall-Pulizija kkonferma ma’ Newsbook.com.mt li għall-ħabta tat-8pm daħal rapport dwar allegat party li kien għaddej fi stabbiliment. Il-pulizija marru fuq il-post fejn sabu diversi persuni fuq il-bankina li ma kinux qed jirrispettaw ir-regoli tad-distanza soċjali. Malli raw il-pulizija dawn inferxu waħedhom.

Spjega wkoll li l-pulizija għamlu spezzjoni fuq kif kien qed jopera r-restorant minn ġewwa u sabu li kien qed jopera fuq suppost.

Mhux ikkonfermat jekk ħarġux multi fil-konfront tal-persuni li nġabru f’dan l-istabbiliment.

Għexieren ta’ ritratti u anke filmati deheru jiċċirkolaw il-midja soċjali u juru biċ-ċar il-party li kien hemm għaddej fuq barra tal-istabbiliment. Hu u jitkellem ma’ Lovin’ Malta, is-sid ta’ Surfside spjega li kien impossibbli li jwaqqaf lill-persuni milli jiżfnu spontanjament. Hu spjega li għall-bidu kien dawn il-persuni kienu bilqiegħda ma’ mwejjed li jospitaw il-massimu ta’ sitt persuni u kienu qed isegwu r-regoli. Qal li malli beda jdoqq id-DJ dawn il-persuni qamu jiżfnu u li lanqas 50 bouncer ma kien jirnexxielhom iwaqqfuhom.

Intant, Newsbook.com.mt jinsab infurmat li seħħ każ simili ieħor f’Tas-Sliema stess fi stabbiliment ieħor. Mir-ritratti li waslulna jidher kju twil fuq barra tal-istabbiliment fejn il-persuni li kienu qed jistennew ma kinux qed jirrispettaw ir-regoli tad-distanza soċjali. Il-Pulizija ma rċeviet l-ebda rapporti dwar dan.

Ilbieraħ, il-Prim Ministru Robert Abela ssuġġerixxa li se jkunu qed jittaffew aktar miżuri minn nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Ġunju u li se jkunu qed jitħabbru llum. Qal ukoll li x-xewqa tiegħu hija li eventwalment ikun hemm amnestija għall-każi ġenwini li jkunu weħlu multi fil-perjodu tal-coronavirus. Dan il-kliem kien affaċċjat minn kritika ħarxa ta’ bosta persuni magħrufa u entitajiet oħrajn, kif ukoll il-pubbliku.

Inċident simili seħħ bħal lum ġimgħa fil-Furjana, hekk kif għexieren ta’ persuni kienu nġabru fi briju fuq il-Fosos. Dan l-inċident wassal biex il-pulizija toħroġ total ta’ 47 multa.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn