Il-Pulizija tarresta raġel talli għamel atti vandali fuq il-bus stops

CMRU

Il-Pulizija arrestat lil raġel talli dan wettaq xi atti vandali fuq bus stops differenti madwar Malta.

L-Eritrean ta’ 31 sena qiegħed jinżamm taħt arrest fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Furjana.

Kienu xi s-1.45am meta l-Pulizija ġiet infurmata li hemm raġel ikisser bus stop fi Triq Dun Karm f’Birkirkara. Il-Pulizija tad-Distrett marret fuq il-post iżda ma nstab ħadd ħlief tifrik ta’ ħġieġ.

Il-pulizija bdew bit-tfittxija u wara ftit ħin, lemħu raġel li kien jaqbel mad-deskrizzjoni li ngħatat. Huma waqqfuh u waqt li l-pulizija bdew ikellmuh, innutaw li kellu l-qalziet bid-demm. Fil-basket li kellu, instabu ħadida twila u biċċiet ta’ ħġieġ.

Minn iżjed investigazzjonijiet li saru mill-Iskwadra tar-Reati Maġġuri, irriżulta li l-istess raġel, tul dan ix-xahar, allegatament ivvandalizza 13-il bus stop, uħud iżjed minn darba, madwar Malta: fil-Marsa, f’Ħal Luqa, f’Wied il-Għajn, fil-Ħamrun, f’Ħal Lija, f’San Pawl il-Baħar, f’Burmarrad, fiċ-Ċirkewwa u fil-Mellieħa. Hu għamel ħsara ta’ aktar minn €15,000.