Il-Pulizija tarresta raġel b’rabta ma’ serqa f’Tas-Sliema

Luke Zerafa

Il-Pulizija arrestat raġel Ġermaniż ta’ 32 sena b’rabta ma’ allegat serqa li seħħet ilbieraħ minn ħanut f’Tas-Sliema. Ir-raġel ġie arrestat kmieni dalgħodu mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit fil-Gżira.

Fi stqarrija ġie spjegat kif ilbieraħ, għall-ħabta tat-2.45pm, il-Pulizija tad-Distrett ta’ Tas-Sliema ġew infurmati b’serqa minn ħanut fi Triq il-Creche. Raġel kien daħal fil-ħanut u seraq flus kontanti mill-cash register. Jidher li waqt is-serqa, l-allegat ħalliel tefa’ pepper spray f’wiċċ l-impjegat li kien hemm fil-ħanut. Wara li seraq il-flus, ir-raġel ħarab minn fuq il-post.

Il-Pulizija wara bdiet tfittxija għall-allegat ħalliel. Dalgħodu l-Pulizija lemħet raġel li kien jaqbel mad-deskrizzjoni li ngħatat fil-Gżira. Ir-raġel ġie arrestat u tttieħed l-Għassa ta’ Tas-Sliema għal aktar investigazzjonijiet. Wara huwa ġie eskortat lejn il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għall-iktar stħarriġ.