Il-Pulizija tarresta raġel b’rabta ma’ 4 serqiet fl-ajruport

arrests

Il-Pulizija arrestat raġel li allegatament wettaq erba’ serqiet fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Fi stqarrija kien spjegat li investigazzjonijiet mill-pulizija tal-Immigrazzjoni fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, flimkien mal-pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri wasslu biex jiġi arrestat raġel ta’ 46 sena residenti l-Marsa. Hu ġie identifikat bħala l-allegat ħalliel li wettaq erba’ serqiet mill-ajruport.

Nhar it-Tlieta, għall-ħabta tal-10.30pm, il-Pulizija ġiet infurmata b’serqa ta’ madwar €6,000 f’ġojjellerija minn ħanut fl-ajruport. Permezz ta’ filmati ta’ CCTV, ġie stabbilit li l-allegat ħalliel uża mutur biex jitlaq minn fuq il-post.

Minn iżjed investigazzjonijiet, irriżulta wkoll li l-istess persuna allegatament wettqet serq ukoll fit-30 ta’ Ottubru minn ħanut ieħor fl-ajruport, u fit-3 u fil-5 ta’ Novembru mill-pompa tal-petrol tal-ajruport.

Hu kien arrestat aktar kmieni llejla mir-residenza tiegħu. Hemmhekk il-pulizija sabu oġġetti b’rabta mas-serq u l-mutur.

Hu mistenni jitressaq il-Qorti għada.