Il-Pulizija tarresta lill-anzjan li ta senter tal-kaċċa lil tifel taħt l-età

CABS

Read in English.

Il-Pulizija arrestat lir-raġel suspettat li ta senter tal-kaċċa lil tifel taħt l-età lbieraħ f’Wied Ħas-Saptan f’Birżebbuġa.

Il-Kumitat Kontra l-Qtil tal-Għasafar (CABS) ilbieraħ xerred ritratti li ħa hu stess f’Wied Ħas-Saptan ilbieraħ filgħodu ta’ tifel li jidher li għandu bejn 10 snin u 13-il sena juża senter tal-kaċċa u jibdillu l-iskrataċ. Il-CABS qal li ra anzjan jgħaddihulu.

Il-Kumitat ġibed filmat u għaddieh lill-Pulizija.

Il-Pulizija llum ħarġet stqarrija li fiha tgħid li kien għall-ħabta tas-7.15am li t-Taqsima tal-Protezzjoni tal-Ambjent intalbet tmur fi Triq il-Brolli minħabba din il-kwistjoni. Hemmhekk, ma sabet la lill-anzjan u lanqas lit-tifel, iżda meta analizzat il-filmat meħud mill-CABS, hija identifikat lir-raġel bħala wieħed ta’ 62 sena li joqgħod Birżebbuġa.

Għaldaqstant, il-Pulizija marret fir-residenza tar-raġel fejn hemmhekk ġiet ikkonfiskata l-arma tan-nar li kienet f’idejn il-minuri. Ir-raġel mistenni jitressaq il-qorti b’akkużi relatati ma’ dan il-każ filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.