Il-Pulizija Taljana takkuża kumpanija Maltija b’evażjoni ta’ €124 miljun taxxa

guardia

Il-pulizija finanzjarja tal-Italja akkużat lil kumpanija Maltija tal-logħob tal-ażżard b’evażjoni tat-taxxa ta’ madwar €124 miljun.

Skont il-Proġett tar-Rappurtaġġ tal-Kriminalità Organizzata u l-Korruzzjoni (OCCRP) l-aħbar tat-8 ta’ Awwissu ġejja minn investigazzjoni akbar fir-rabtiet tal-mafja mal-industrija tal-logħob tal-ażżard. Aktar minn 60 persuna tressqu l-Qorti f’Novembru li għadda. Din l-aħbar ġiet wara investigazzjoni mill-OCCRP u għaqda Taljana b’rabta mal-attivitajiet tal-kumpanija minn mindu kellha sidien ġodda – l-kumpanija tal-investimenti min-Netherlands Ramphastos.

L-investigazzjoni li saret mill-Guardia di Finanza fil-belt ta’ Reggio Calabria kkonkludiet li SKS365 naqset milli tiddikjara madwar €4 biljun fi dħul taxxabbli bejn l-2015 u l-2016. L-investigaturi qalu li l-kumpanija għamlet il-flus billi wettqet attivitajiet illegali tal-logħob tal-ażżard fl-Italja.

Ramphastos Investments qalet li akkwistat SKS365 għal €158 miljun f’Awwissu tal-2016 u Novembru 2017. Waqt raid mill-pulizija fl-2017, l-uffiċċju tal-prosekuturi qal li ma kienx hemm allegazzjonijiet ta’ responsabbilità dwar is-sidien il-ġodda tal-kumpanija.

SKS365 qalet mal-OCCRP li l-amministrazzjoni kurrenti tagħha m’għandhiex rabtiet mal-attivitajiet preċedenti tal-kumpanija u li issa qed tfittex lill-amministraturi preċedenti bil-Qorti għall-kumpens.

Uffiċjal mill-Guardia di Finanza qal mal-OCCRP li l-entità legali li wettqet l-offiżi tat-tassazzjoni tibqa’ l-istess anke jekk l-istruttura korporattiva u l-imsieħba jinbidlu.

Żied jgħid li l-aħħar allegazzjonijiet huma l-akbar li qatt kien hemm dwar evażjoni tat-taxxa kontra kumpanija tal-logħob tal-ażżard online fl-Italja.

SKS365 li hija magħrufa l-aktar mid-ditta tagħha Planetwin365 ġabet liċenzja Taljana fl-2015. Sa dakinhar kienet tistrieħ fuq konċessjoni mill-awtoritajiet Maltin fl-2011 biex tikkontrolla network ta’ ħwienet tal-logħob tal-ażżard madwar l-Italja.

Prosekuturi fil-passat akkużaw lill-erba’ fundaturi ta’ SKS365 li kellhom ftehim ma’ membri prominenti tal-mafja biex jassiguraw li d-ditta Planetwin365 tiddomina fit-territorji kkontrollati mill-mafja. Allegatament ħallew lill-mafja jaħslu l-flus permezz tan-negozji tagħhom.

Fi stqarrija, SKS365 qalet ma’ OCCRP li ma tipprovdix kummenti jew informazzjoni speċifika dwar l-azzjonijiet legali tagħha.