Il-pulizija tal-Pakistan jisparaw bulits tal-gomma fuq dimostranti

Il-pulizija tal-Pakistan sparaw bulits tal-gomma u tefgħu gass tad-dmugħ lejn dimostranti fil-Belt Kapitali Islamabad.
Il-Pulizija għamlet dan waqt li kienet qed tipprova tneħħi d-dimostranti li prattikament ipparalizzaw il-Belt għal ġimgħat sħaħ.
Madwar tmien t’elef u ħames mitt uffiċjal tal-Pulizija issejħu biex ineħħu madwar elfejn persuna li kienu qed jipprotestaw.
Grupp mid-dimostranti għalqu triq prinċipali li tintuża minn eluf ta’ persuni għal ġimgħatejn. Ikkawżaw problemi tat-traffiku għal siegħat twal.
Id-dimostranti qed isejjħu għar-riżenja tal-Ministru tal-Ġustizzja tal-Pakistan wara li abbanduna emenda għall-ġurament li kandidati elettorali jridu jieħdu. Dawk li qed jipprotestaw qed iqabblu l-aġir mal-blasfemija.
Il-midja internazzjonali rrapportat li d-dimostranti bdew jitfgħu l-ġebel lejn il-Pulizija. Għadu mhux magħruf jekk kienx hemm nies li ġew feruti fil-ġlied.